Seba’ xhur ħabs għal immigrant li jgħix l-Italja u daħal Malta b’dokumenti foloz

Immigrant mill-Guinea li jgħix l-Italja ntbagħat seba’ xhur ħabs wara li nqabad li daħal f’Malta permezz ta’ dokumenti foloz.

L-immigrant Zaac Bensoli ta’ 21 sena kellu karta tal-identità Taljana iżda ma setax jivvjaġġa biha tant li ffalsifika d-dokumenti biex ikun jista’ jidħol Malta.

Il-Pulizija Maltija qabdet lill-immigrant huwa u ħiereġ minn Malta. L-immigrant qal li kien Malta fuq btala ta’ xahar għax qal li huwa qed jistudja fl-Italja.

Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet lill-Ispettur Darren Buhagiar jgħid li Bensoli kkopera mal-Pulizija filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali argumenta li l-immigrant għandu jingħata sentenza sospiża biex ikun jista’ jintbagħat lura lejn l-Italja.
Besoli ammetta l-akkużi kontrih bil-Maġistrat Clarke tikkundannah seba’ xhur ħabs.