Ambjent
Seed Green se jgħin żgħażagħ ixettlu ideat għal negozju innovattiv favur il-klima

L-inizjattiva ambjentali Seed Green ser tkun ta’ sostenn lil dawk li għandhom ideat innovattivi u favur il-klima.

Dan il-programm mistenni jwassal biex tinħoloq niċċa ekonomika ġdida li tkun sostenibbli u toħloq impjiegi fil-qasam ambjentali, fejn numru ta’ żgħażagħ ikunu jistgħu jibdew negozju ġdid li jkun sostenibbli fuq livell ambjentali ħalli jintlaħqu l-miri kontra t-tibdil fil-klima.

“L-ideat ser ikunu varji, ovvjament li jridu jkunu relatati mal-klima, kemm jista’ jkun climate neutrality, it-tema li qed nindirizzaw. It-taqsimiet huma varji; għandna l-ambjent, it-trasport, is-settur tal-ospitalità, anke jista’ jkollok persuni li jista’ jkunu edukaturi li joħorġu b’ideat ta’ kif nistgħu nedukaw aktar dwar is-suġġett partikolari. It-taqsimiet qegħdin kollha mniżżlin fuq is-sit elettroniku tagħna” spjegat Nicole Borg, President tal-JCI.

Kull min jippreżenta idea innovattiva li tista’ ssir kummerċjalment vijabbli u sostenibbli ser jingħata għajnuna ta’ taħriġ, loġistika u anke finanzjarja permezz tal-Malta Enterprise. Il-programm qed isir bl-għajnuna taż-żewġ Ministeri; dak tal-Enerġija, Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli flimkien ma’ dak tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-għajnuna finanzjarja mill-Malta Enterprise tista’ twassal sa €1.2 miljun, filwaqt li ħeġġet liż-żgħażagħ biex jersqu ‘l quddiem b’ideat ġodda.

“Qed nappellaw liż-żgħażagħ biex jersqu ‘l quddiem pemrezz tal-JCI; naraw x’ideat innovattivi għandhom li bihom jistgħu jagħmlu l-pass li jmiss biex ikunu kummerċjalizzati. Ser inkunu qed ngħinuhom permezz ta’ mentoring u anke permezz ta’ għajnuna bl-accelerator, biex dawk l-ideat kemm jista’ jkun nimmaturawhom u la darba jkun hemm l-ideat li jistgħu jsiru abbażi kummerċjali qed niggwidawhom għall-inizjattivi tal-Malta Enterpise biex tissapportja u tappoġġja ideat bħal dawn.”

Il-Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia, qal li Seed Green jista’ jkun li jwassal għal niċċa ekonomika ġdida. “Il-miri tat-tibdil fil-klima huma fuq livell ta’ pajjiż u mhux fuq livell ta’ Gvern, allura jeħtieġ ukoll mhux biss l-input tan-nies u tal-familji imma wkoll tal-industrija u l-imprendituri kollha. Ingħaqadna ma’ JCI biex iż-żgħażagħ jidħlu f’niċċa ekonomika ġdida għall-pajjiż. Aħna nemmnu li kif il-pajjiz daħal f’niċeċ ġodda, fosthom il-loġistika, il-farmaċewtika u oħrajn, nemmnu li hawnhekk hemm ċans li nsibu niċċa oħra.”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li dan il-programm ser joħloq numru ta’ impiegi favur l-ambjent.