Qorti
Segretarja mixlija li ffrodat lill-imgħallem €500,000

Segretarja Eżekuttiva li kienet taħdem ma’ kumpanija part-time nżammet arrestata wara li ġiet mixlija li ffrodat lill-imgħallem tagħha ‘l fuq min-nofs miljun ewro.

Josephine Baldacchino ta’ 48 sena mill-Mosta kienet mixlija b’reati ta’ frodi, miżapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus għad-dannu ta’ min kien iħaddimha.

Fil-Qorti ntqal li dawn ir-reati twettqu fuq perjodu ta’ sitt snin billi Baldacchino użat ċekkijiet vojta li kienu diġà ffirmati. Hija qed tiċħad l-akkużi.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-akkużata għandha wild bil-kundizzjoni tal-awtiżmu li għandu bżonn il-preżenza tagħha.

Madanakollu l-prosekuzzjoni u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw, minħabba s-serjetà tar-reat u r-riskju li jkunu mibdula l-provi fil-kors tal-investigazzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm jixhed il-vittma, waqt li ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi kollha ta’ Baldacchino.