Lokali
Il-President tal-KE tfaħħar lil Malta għar-riformi li wettqet fis-saltna tad-dritt

Fid-diskors annwali State of the Union, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen faħħret lil Malta għar-riformi li għamlet fis-saltna tad-dritt.

Hija semmiet ukoll lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ġurnalisti oħra Ewropej li nqatlu fl-aħħar snin minħabba xogħlhom u tkellmet dwar il-bżonn li l-ġurnalisti kollha jkunu protetti.

Dan kien it-tieni diskors State of the Union ta’ Von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea li kien ikkaratterizzat minn sens qawwi ta’ ottimiżmu b’enfasi fuq it-tigdid tar-ruħ tal-Ewropa u fuq il-kisbiet fil-ġlieda kontra l-pandemija u fuq l-irkupru ekonomiku.

Fil-Parlament Ewropew il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen enfasizzat ir-rieda tal-ispirtu tal-Unjoni Ewropea li tkompli miexja l-quddiem minkejja l-burraxka soċjali u ekonomika kkaġunata mill-Covid19.

Von der Leyen qalet li mqabbla ma’ sena ilu l-Ewropa tinsab fi stat ferm aħjar hekk kif 70% tal-popli Ewropej tlaqqmu għall-Covid.

Hija qalet li l-pakkett ta’ ghajnuna finanzjarja Nextgeneration EU – b’€750 biljun allokati għall-irkupru ekonomiku – se jkompli jinċentiva l-ekonomiji u qalet li l-UE tinsab lesta biex twettaq ħidma kruċjali fil-qalba lejn l-ekonomija diġitali u tkompli riesqa lejn it-twettiq tal-European Green Deal.

Von der Leyen qalet dan lejliet li se tkun qed iżżur Malta biex tgħaddi lill-Prim Ministru Robert Abela id-deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li fiha jiġi approvat il-pjan ta’ irkupru ta’ Malta li ntbagħat lill-Kummissjoni f’Lulju li għadda.

B’hekk titwitta it-triq biex Malta tkun tista’ tibda tirċievi l-ewwel parti tal-fondi ta’ irkupru mit-€316-il miljun allokati lilha maħsuba biex jgħinu l-ekonomija tirkupra mill-effetti ekonomiċi li ħalliet il-pandemija tal-COVID 19.

Fid-diskors tagħha von der Leyen irriżervat kelma wkoll dwar ir-riformi li qed tagħmel Malta fis-saltna tad-dritt.

“Because protecting the rule of law is not just a noble goal. Protecting the rule of law is also hard work and a constant struggle for improvement. Our Rule of Law reports are part of this process, with for example justice reforms in Malta or corruption inquiries in Slovakia”.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea tkellmet ukoll dwar il-libertà tal-ġurnaliżmu.

Hija rreferiet għal Daphne Caruana Galizia, Jan Kuciak u Peter de Vries, tliet ġurnalisti li qalet li nqatlu għax iġġieldu għad-dritt tal-informazzjoni.

Il-President qalet li l-Kummissjoni se tkun qed tirrakkomanda liġijiet ġodda biex tkun imħarsa is-sigurtà ta’ dawk li jaħdmu fil-media.

Hija spjegat li s-sena d-dieħla se tkun iddedikata għaż-żgħażagħ u waqt li qalet li se jitressqu liġijiet ġodda kontra l-vjolenza domestika żiedet li se tfisser ukoll test ieħor għall-Unjoni Ewropea.

” The next year will be yet another test of character. But I believe that it is when you are tested that your spirit – your soul – truly shines through. As I look across our Union, I know that Europe will pass that test. And what gives me that confidence is the inspiration we can draw from Europe’s young people”.

Is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew kienet preseduta minn Roberta Metsola, l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew.

F’reazzjoni għad-diskors tal-President, Dr Metsola irreferiet għall-aċċenn li von der Leyen għamlet dwar Malta u r-riformi fil-qasam ġudizzjarju.

“Din hija konnessa mar-rapport dwar l-istat tad-dritt, ir-Rule of Law, li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika kull sena fuq kull pajjiż u f’dan ir-rapport ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea irrikonoxxiet il-bidliet li saru fir-riforma tal-ġustizzja u qalet li hemm bżonn ħafna li jkun hemm iżjed riformi biex Malta taqbad it-triq it-tajba”.

Il-kap tad-delegazzjoni Maltija tas-Soċjalisti u Demokratici Alfred Sant qal li d-diskors kien wieħed ta’ kontinwità li fih il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen ħadet il-kredtu tal-irkupru ekonomiku madwar l-Ewropa li parti minnu huwa dovut għall-mod li bih ħadmet il-Kummissjoni fl-aħħar snin.

Dr Sant irrefera għad-diskors ta’ von der Leyen dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fl-Ewropa u l-unjoni ta’ difiza fejn qal li din taf toħloq problema għall-pajjiżi żgħar jew newtrali bħal Malta.

“F’dak li għandu x’jaqsam mal-unjoni tad-difiża hemm miżuri bħat-tneħħija tal-VAT fuq il-produzzjoni militari ta’ certu riċerka u ta’ ċertu tip li minnhom Malta ma tistax tibbenefika imma apparti minn hekk hemm miżuri oħra li titwaqqaf forza unifikata li tkun armata li tikkontradixxi il-pożizzjoni kostituzjonali ta’ Malta”.

Von der Leyen indirizzat ukoll il-kriżi umanitarja li żviluppat fl-Afganistan u qalet li l-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-poplu Afgan, in-nisa u t-tfal, il-prosekuturi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad- drittijiet tal-bniedem.

Hija qalet li l-Unjoni Ewropea se żżid l-għajnuna umanitarja lill-Afganistan b’€100 miljun u tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tiffaċilita s-sitwazzjoni tal-poplu Afgan permezz ta’ ħidma diplomatika u umanitarja.