Lokali
SEGWI: Pass pass dak li seħħ illum fil-hit and run ta’ Ħal Luqa

Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Ħal Luqa minn ġuvnott li baqa’ sejjer. Hu ġie arrestat ftit wara.

Fl-inċident li seħħ filgħodu, il-karozza kienet qed tinstaq minn żagħżugħ bla licenzja ghax ghadu taħt l-età. Hu saq il-vettura f’distanza ta’ qrib l-erba’ mitt metru, bil-Pulizija mtajjar fuq il-karozza, u aktar tard imkaxkar mal-ġenb tagħha sakemm spiċċa mitluq mal-art qabel tidħol fiż-żona industrijali.

Azzjoni minn Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku li qeda dmiru meta lemaħ żagħżugħ isuq karozza u waqqfu fuq suspett li ma kellux liċenzja tas-sewqan spiċċat f’inċident ikrah ħafna.

Fejn seħħ eżatt l-inċident?

Il-kuntistabbli Simon Schembri kien stazzjonat ħdejn roundabout fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa, viċin l-istabbiliment tal-Lidl. Ftit wara s-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, hu waqqaf żagħżugħ li kien qed isuq vettura tal-għamla Mercedes u talbu dokument ta’ identifikazzjoni.

Allegatament iż-żagħżugħ m’obdiex l-ordni tal-Pulizija u tajru. Il-kuntistabbli spiċċa fuq il-bonnett tal-karozza, biż-żagħżugħ ikompli jsuq ‘l isfel fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi. Xhud li ra l-inċident qal lil Television Malta li l-kuntistabbli żżerżaq għall-parti t’isfel tal-karozza li baqgħet tinstaq, bil-kuntistabbli mqabbad mal-parti t’isfel jitkaxkar mal-art.

Minn filmati esklussivi li Television Malta kiseb, quddiem id-daħla taż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa, il-Mercedes tidher tiskiddja u ddur tħares bil-kontra. F’dan il-ħin, il-kuntistabbli ma baqax imqabbad mal-karozza. Iż-żagħżugħ saq il-karozza fiż-żona industrijali. Ftit tal-minuti wara, reġa’ ġie mill-istess triq sekondarja fejn saq qrib għal fejn kien hemm il-kuntistabbli mixħut mal-art. Sa dak il-ħin kienu bdew jinġabru n-nies biex jagħtu l-ewwel għajnuna. Hu waqaf u rriversja b’qawwa lura fl-istess triq fiż-żona industrijali.

Il-mument x’ħin ittajjar il-pulizija minn vettura

Minn hemmhekk, iż-żagħżugħ kompla jsuq il-vettura sakemm ħabat ma’ ħajt fi Triq Ħal Farruġ, qabel tidħol fiż-żona Ta’ Kandja. Iż-żagħżugħ abbanduna l-karozza u ħarab fl-għelieqi. Hu nqabad mill-Pulizija u ġie arrestat. Iż-żagħżugħ ġie identifikat bħala Liam Debono ta’ sbatax-il sena li joqgħod Ħal Tarxien. Sorsi qalu li hu mhux wiċċ ġdid mal-Pulizija u fil-karozza nstabu oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Pulizija l-isptar Mater Dei. Il-kuntistabbli Simon Schembri, li hu missier ta’ tliet ulied, ġie operat minnufih. Il-kundizzjoni tiegħu hi kritika. Hu tilef parti minn idejh u jinsab fit-Taqsima għall-Kura Intensiva, taħt osservazzjoni kontinwa, minħabba kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba l-ġrieħi gravi li ġarrab.

Wara l-inċident

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. Il-Maġistrat tal-Għassa qed imexxi inkjesta bil-għajnuna ta’ diversi esperti. Il-karreġġjata minn Ħal Luqa lejn Ħal Qormi u parti minn Triq Ħal Farruġ inżammu magħluqa għat-traffiku għal ħin twil.

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni esprimew solidarjetà mal-kuntistabbli u l-familja tiegħu. L-istess għamlu ż-żewġ unions li jirrappreżentaw il-membri tal-korp tal-pulizija. Il-Ministru tal-Intern, Michael Farrugia, ikkundanna l-inċident li qal juri kemm hu delikat ix-xogħol tal-Pulizija u appella għar-rispett tal-pubbliku lejn il-membri tal-korpi dixxiplinati. Dr Farrugia qal li tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija u se jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lill-familja tal-kuntistabbli Schembri issa u fil-ġejjieni.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda żjara ta’ 24 siegħa fil-Lussemburgu. Fl-ewwel impenn tiegħu, huwa kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Lussemburgu Xavier Bettel u iktar tard jiltaqa’ mal-komnunità ta’ ħaddiema Maltin li…

Qorti

Marokkina u Sirjan tressqu l-qorti seperatament u ġew akkużati bi vjolenza domestika fuq xulxin. Huma dehru quddiem il-Magistrat Joe Mifsud bi griff f’wiċċhom. It-tnejn ċaħdu l-akkużi. Il-mara ġiet akkużata fost…

Edukazzjoni

Wara li ħarġu r-riżultati tal-O Levels, ħafna l-istudenti li qed imorru għall-pariri fuq il-karriera jistgħu jaqbdu fis-snin li ġejjin. Dawn is-servizzi tal-pariri qed jingħataw mill-Junior College li joffru pariri wkoll…

Lokali

Il-kumpanija għat-tiftix taż-żejt Edison International ngħatat liċenzja mill-Gvern Malti biex tfittex għaż-żejt f’medda ta’ 6,400 kilometru fil-baħar fit-Tramuntana ta’ Malta. Fi stqarrija l-gvern qal li l-liċenzja għal sena lil Edison…

Aktar