Kultura
Sejba ġdida ta’ fdalijiet Neolitiċi f’Tas-Silġ

Sejba ġdida ta’ fdalijiet ta’ struttura Neolitika f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk tefgħet dawl ġdid fuq il-perjodu Neolitiku f’Malta u kabbret sostanzjalment id-daqs magħruf tal-art użata fiż-żmien Neolitiku f’dan is-sit.

Is-sejba ġdida tħabbret waqt żjara li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Jose Herrera għamel f’Tas-Silġ fejn ingħata tagħrif dwar il-ħidma li saret fuq dan l-iskavi b’kollaborazzjoni bejn l-Unviersità ta’ Malta u Heritage Malta.

Sejba ġdida mill-arkeologi li qed jaħdmu fuq proġett ta’ skavi f’Tas-Silġ f’Marsaxlook. Fdalijiet ta’ struttura Neolitika li nkixfet minn dawn l-arkeologi kabbret sostanzjalment id-daqs magħruf tal-art użata fiż-żmien Neolitiku f’dan is-sit.

Neolitiku tfisser il-ġebla ġdida u dan il-perjodu f’Malta beda bejn 12,000 u 10,000 sena ilu. Kien żmien meta fil-Mediterran, l-iktar fil-Lvant Nofsani, il-bniedem ma baqax jiddependi biss fuq l-ikel li kien jaqbad mill-kaċċa jew mill-ġbir tal-ħxejjex li jikbru fis-selvaġġ imma beda jkabbar il-ħxejjex tiegħu.

Dan wassal biex in-nies li kienu jgħixu f’dan ir-reġjun bdew jgħixu ħajja komunitarja u minn hawn bdew jiżviluppaw il-bliet u b’hekk iċ-ċiviltajiet.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li waqt Heritage Malta se tkompli tistħarreġ il-fdalijiet misjuba dan l-aħħar – li probabilment huma stess ikomplu taħt it-triq – qegħda wkoll fil-proċess li tħejji investigazzjoni ġeofiżika taż-żoni maġenb is-sit u tal-istess triq.

Huwa qal li l-ħafna saffi ta’ storja li jsawru lil Tas-Silġ jagħmlu lil dan is-sit wieħed mill-iktar diffiċli biex jiġi mifhum u wisq iktar diffiċli biex jiġi preservat waqt li żied li Heritage Malta bdiet taħdem fuq pjani u disinji biex dan is-sit joffri faċilitajiet aħjar għall-viżitaturi.

Il-Professur Nicholas Vella, mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, qal liċ-ċentru tal-aħbarijiet li l-iskopertà progressiva ta’ struttura Neolitika qed tinkixef pass pass minn studenti tad-dipartiment flimkien ma’ akkademici u riċerkaturi.

“Hawnhekk kellhom din l-opportunità speċjalment is-sena l-oħra minħabba l-Covid ma ħrigniex fuq is-siti arkeoloġiċi, din is-sena għamilna sforz u fil-fatt dik il-paċenzja kienet tajba minħabba li sibna dawn il-fdalijiet importanti”.

David Cardona, kuratur anzjan għas-siti Feniċi, Rumani u medjevali qal li l-proġett huwa mifrux fuq medda ta’ snin u maqsum f’fażijiet differenti.

“Apparti li ġie mkabbar is-sit neolitiku l-importanza hi li dan huwa wieħed mill-ftit tempji Neolitiċi li llum jista’ jiġi skavat b’mod xjentifiku biex hekk nieħdu l-iktar data li nistgħu minnu … fil-fatt l-iskav għadu għaddej … għaddej bilmod … issa wasalna sa żminijiet il-Bronż”, żied jgħid il-kuratur anzjan.