Kronaka
AĠĠORNAT: Il-fdalijiet tal-katavru nstabu moħbija f’sur – suspettat raġel li kien arrestat b’attentat ta’ serqa

Il-Pulizija jidher li tinsab viċin li ssolvi omiċidju li jmur lura ħdax-il sena. Il-każ jitratta tfajla li ilha rappurtata nieqsa mill-2008 u minn investigazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem irriżulta li kienet inqatlet. Fis-sigħat li għaddew, il-Pulizija sabet fdalijiet ta’ katavru moħbija f’sur fil-Belt u qed iżżomm arrestat raġel li hu suspettat li qatilha. L-investigazzjonijiet ħadu żvolta fl-aħħar ħamest’ijiem wara li l-istess raġel ġie arrestat dwar attentat ta’ hold up minn ħanut fil-Gżira.

F’daħla fis-sur tal-Belt, fl-akkwati ta’ wara l-lukanda Phoenicia, uffiċjali mill-Iskwadra tal-Omiċidji tal-Pulizija u tal-forensika elevaw fdalijiet fosthom diversi għadam u ras ta’ persuna. Is-sejba saret matul il-ġurnata tas-Sibt, bil-Pulizija tissuspetta li l-fdalijiet huma ta’ tfajla minn San Pawl il-Baħar li ilha nieqsa ħdax-il sena. L-uffiċjali tal-Pulizija dehru jfittxu b’reqqa u jelevaw diversi oġġetti mill-foss li fl-imgħoddi kien jintużaw bħala parkeġġ għall-vetturi, b’aċċess b’taraġ għal ħdejn il-funtana tat-tritoni.

It-tfajla, Charlene Farrugia, kienet ġiet rappurtata nieqsa fis-7 ta’ Novembru 2008 u minn dakinhar baqgħet fil-lista tal-persuni li ma nstabux. Meta ġiet irrappurtata nieqsa, Charlene Farrugia kellha 25 sena. Hi kienet dehret l-aħħar issuq karozza fil-Belt. Eżamijiet mediċi u forensiċi li se jsiru bħala parti mill-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Audrey Demicoli huma kruċjali biex tiġi stabbilita’ b’ċertezza l-identità tal-persuna.

Uffiċjalment, il-Pulizija qalet li qed iżżomm arrestat raġel li hu suspettat li wettaq dan id-delitt. Sorsi qrib l-istħarriġ qalu lil Television Malta li s-suspettat hu l-istess raġel li nhar it-Tnejn ipprova jwettaq hold up minn ħanut tal-bżonnijiet ta’ kuljum fi Triq Rue d’Argens, il-Gżira. Ir-raġel kien armat b’sikkina u ġie arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u waqt li kienu ħerġin bih mill-ħanut għall-vettura tas-servizz beda jgħid li ġie arrestat għal xejn.

L-istess sorsi qalu li meta r-raġel kien fil-kustodja tal-Pulizija tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allegatament indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha. F’dak l-istadju, mal-Pulizija mill-għassa ta’ Tas-Sliema li kienu qed jinvestigawh dwar l-attentat ta’ hold up, daħlu fl-investigazzjoni uffiċċjali mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Is-sorsi qalu li l-Pulizija qed ikunu kawti ħafna u qed ikomplu jibnu l-istħarriġ fuq stqarrijiet li r-raġel għamel magħhom.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Kronaka

Tilfet ħajjitha l-mara li kienet involuta f’ħabta bejn żewġ vetturi f’Għajnsielem l-għada ta’ Santa Marija. Il-mara, Latvjana ta’ 41 sena li tgħix is-Swieqi, kienet riekba f’vettura tal-għamla Jago Geep flimkien ma’…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena mix-Xewkija li jaħdem fil-kafeterija tal-vapuri tal-Gozo Channel wieġeb mhux ħati li seraq €1,500 mill-basket ta’ mara li ħallietu warajha fuq mejda. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni ppreżentat filmati tas-CCTV…

Aktar