Lokali
Sejba taħt dar f’San Lawrenz: magħsra f’għar taħt il-livell tat-triq

Sejba fir-raħal ta’ San Lawrenz, f’Għawdex. F’dar antika diżabitata, f’żona semi-rurali, instab għar mhux naturali.

Studjuż tal-arkeoloġija li żar l-għar ikkonkluda li l-post kien jilqa’ magħsra; li hi faċilità fejn jingħasar l-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid li tista’ tmur lura saħansitra għall-perjodu Puniku-Ruman. Ma’ Television Malta hu rrakkomanda li jsir aktar studju dwar karatteristiċi oħra fis-sit.

Din hi dar antika fir-raħal ta’ San Lawrenz, fit-triq qabel ma tibda n-niżla għad-Dwejra. Fiha ma jgħix ħadd u skont rekords tal-Kunsill Lokali hi proprjetà tal-Gvern. F’ġenb tad-dar hemm niżla wieqfa li twasslek għal fetħa li tinsab livell ta’ sular taħt l-art. Meta kważi sena ilu s-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa, daħal għall-ewwel darba għaraf is-seħer tal-post. Dan l-aħħar għamel kuntatt mal-istudjuż tal-arkeoloġija, George Azzopardi, li fi żjara fil-post spjega li dan hu għar magħmul mill-bniedem, li tħaffer apposta biex iservi xi skop. Żied jgħid li dan hu rifless f’sensiela ta’ ħofor u kanali f’nofs l-art li jindikaw li din kienet magħsra tal-inbid.

“Għandna speċi ta’ ħawt kbir fin-nofs, li pero għandu ħawt ieħor iżgħar minn dak prinċipali, li hu parzjalment inkorporat fih u jagħqad miegħu. Imbagħad għandek speċi ta’ sodda fin-nofs tal-ħawt li tagħqad mal-ħawt l-ieħor li hu inkorporat. Din is-sodda hi karatterrizzata minn kanal li jdur dawramejt magħha u min-naħa tiegħu jagħqad mal-ħawt finali, il-ħawt li hu inkorporat mal-ħawt il-kbir”, qal l-istudjuż tal-arkeoloġija George Azzopardi.

Spjega li l-għeneb kien jiġi misħuq bis-saqajn fil-ħawt il-kbir, b’dak li joħroġ minnu jimxi għal gol-ħawt iż-żgħir. Żied jgħid li l-fosdoq tal-għeneb kien jinġabar biex jiġi pressat u minnu jieħdu dak li jkun fadal. Għal din il-fażi, it-tieni waħda fil-proċess tal-għasir, kienet tintuża pjattaforma f’nofs il-ħawt prinċipali. Dr Azzopardi rrimarka li fis-saqaf hemm toqba b’kanal quddiemha li tiġi preċiż fuq il-pjattaforma, indikazzjoni li għandek pressa applikata b’mod dirett; metodu li qal mhux daqstant komuni fil-magħsriet.

“X’aktarx kien jinvolvi l-użu ta’ skrun li kien ikollu l-fulkru tiegħu mdaħħal fis-saqaf tal-għar u li dan meta kien jiddawwar b’sistema ta’ manku tal-injam jew tal-ħadid kien jippressa fuq il-fosdoq u meta jippressa fuqu, dak li joħroġ minnu kien jaqa’ fil-ħawt li għandek inkorporat.”

Mistoqsi dwar daħliet fil-ħitan, bħal niċeċ, u mrabat mal-ġnub tagħhom, kif ukoll kanal li jdur dawramejt mal-għar, jeħtieġu aktar studju li jaf jindika li f’ċertu żmien tas-sena l-għar kien jintuża għal skop ieħor lil hinn mill-għasir tal-għeneb.

Is-Sindku ta’ San Lawrenz stqarr is-sodisfazzjon tiegħu għall-interess li din is-sejba ġġenerat fost ir-residenti u indika t-triq ‘il quddiem min-naħa tal-Kunsill Lokali.

“Naħseb li dan l-interess għandu jistimula l-kunsill lokali biex ikompli jaħdem ħalli l-post jiġi ppreservat, ikompli jagħtina messaġġi tal-identità tagħna, messaġġi li permezz tagħhom nifhmu li aħna ma bdejnix ilbieraħ illi qabilna kien hawn nies li kellhom il-ħsieb, kien hawn nies li ppreparaw lilna biex illum ngħixu f’dan l-ambjent.”

Is-Sur Formosa qal li fost il-proposti biex il-potenzjal storiku ta’ San Lawrenz jiġi preżentat aħjar; l-iżvilupp ta’ heritage trail li biha min iżur ir-raħal japprezza l-identita’ tal-post u n-nies.