Propjetà
Sejħa biex jiġu riġenerati l-oqsma tad-djar fil-Marsa, il-Mosta u Santa Luċija

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li biex il-binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali jiġu riġenerati, il-Gvern ħareġ sejħa għal tenders ġodda fl-oqsma tad-djar tal-Marsa, Mosta u Santa Luċija.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Qasam tad-Djar tal-Marsa, il-Ministru qal li permezz ta’ dawn il-proġetti ser isir xogħol ta’ tisbiħ f’dawn it-tliet oqsma tad-djar soċjali permezz taż-żieda tas-siġar u arbuxxelli u playing fields għat-tfal. Barra minn hekk dawn l-oqsma ser isiru aktar aċċessibbli u fihom ser jiġu installati wkoll lifts ġodda.

Huwa mistenni li 360 familja jibbenifikaw minn dawn il-proġetti.

Il-Ministru Galdes qal li l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fl-oqsma tad-djar, li qal huma monument soċjali ħaj.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-fondi Ewropej ser jgħinu biex dawn iż-żoni jiġu msebbħa biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti li joqgħodu fihom.

Żied jgħid li l-proġetti ser jiswew maż-€2 miljun, li minnhom €1.8 miljun huma minn fondi Ewropej.