Għawdex
Sejħa għal proposti għal servizz ta’ ħelikopter bejn Għawdex u Malta

Il-kumpanija tal-Gvern Malta Air Travel Ltd (Malta Medair) nediet uffiċjalment sejħa pubblika għall-proposti sabiex jingħażel operatur li jipprovdi servizz ta’ ħelikopter bħala air link bejn Għawdex u Malta.

L-introduzzjoni ta’ dan is-servizz kienet tħabbret mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana aktar kmieni din is-sena waqt żjara fil-Heliport ta’ Għawdex.

Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li uffiċjali mill-Ministeru tiegħu flimkien mal-Malta Medair kienu kkonkludew ix-xogħol preparatorju u konsultattiv kollu. Qal li issa l-Gvern jista’ jimxi verament għall-pass tanġibbli li jmiss, dak li jsib operatur li jopera servizz ta’ ħelikopter li jokkupa mill-inqas 15-il pasiġġier.

Il-Ministru Mizzi spjega li dan is-servizz ta’ air link bejn Malta u Għawdex se jkollu numru ta’ benefiċċji fosthom: konnettività aħjar internazzjonalment kemm għall-Għawdxin u anke għall-barranin; konnettività għal skopijiet ta’ turiżmu; u li jassigura s-servizz bejn Malta u Għawdex f’każ ta’ emerġenza.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li saru studji neċessarji biex jiġi identifikat il-mudell ekonomiku l-aktar adattat biex jingħata dan is-servizz.

Id-dokument tal-proposti jista’ jinkiseb permezz ta’ talba b’email fuq l-indirizz [email protected]

Il-kumpanija Malta Air Travel se tirċievi l-proposti għal dan is-servizz fit-18 ta’ Ġunju 2019 bejn id-9am u s-2pm b’mod elettroniku fuq [email protected] jew b’mod personali fl-uffiċini tal-Malta Med Air f’dan l-indirizz, “Administration Block A – Aviation park, Aviation Avenue Luqa 9023”, bit-titlu ‘REQUEST FOR PROPOSALS FOR THE PROVISION OF PASSENGER AND BAGGAGE AIR TRANSPORT SERVICES BETWEEN MALTA AND GOZO’.