Lokali
Sejħa għal sigurtà nazzjonali aħjar waqt protesta dwar l-immigrazzjoni

Fi protesta llejla quddiem il-Parlament fil-Belt, l-attivist Raymond Ambrogio qal li nazzjon mingħajr sigurtà mhux nazzjon. Huwa għadda messaġġ lill-membri parlamentari kollha li s-sigurtà tal-gżejjer Maltin hija tema urġenti li jridu jindirizzaw għax mingħajrha qal nitilfu kollox.

Is-Sur Ambrogio għamel referenza għall-wasla ta’ tmien immigranti b’dgħajsa f’Wied iż-Żurrieq u 55 immigrant ieħor li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet daħlu b’dinghi f’Wied il-Buni f’Birżebbuġa. Qal li hu inkwetanti li dawn irnexxielhom jidħlu Malta meta suppost l-forzi armati huma mgħammra b’apparat sofistikat li jkun jaf dwar kull ħaġa li tidħol f’Malta. Appella lit-tmexxija tal-pajjiż li l-ewwel għandha taqdi lill-Maltin u l-Għawdxin, imbagħad lill-barrani.

Dwar il-petizzjoni għal referendum kontra dak li sejjaħ invazjoni organizzata ta’ immigranti illegali, is-Sur Ambrogio qal li din qed tiġi injorata għax il-Parlament qed iqis id-diskussjoni dwar din il-petizzjoni bħala eżawrita. Żied li huwa jaqbel mar-rilokazzjoni tal-immigranti imma qal li għandhom jintbagħtu għal xi pajjiż stabbli fl-Afrika bħalma qal li huma r-Rwanda, l-Uganda u l-Marokk.