Lokali
Missier u ibnu se jsiru saċerdoti – lissen ix-xewqa lil martu fuq is-sodda tal-mewt

X’aktarx hija bla preċedent fl-istorja tal-knisja f’Malta li missier u ibnu ser ikunu qed iservu fi ftit snin ohra fuq l-altar bħala saċerdoti. Tony Pace qed jistudja biex isir qassis djoċesan u ibnu lesta n-novizzjat biex ikun patri mas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl.

Imwieled il-Gudja, Tony Pace għandu 64 sena. Romol erba’ snin ilu meta martu, Joan, mietet bil-kanċer. It-tnejn kienu għalliema. Minn meta żżewġu għexu Ħal Safi. Jiddeskrivi lil Joan bħala mara b’saħħitha spiritwalment li minkejja l-flaġell tal-marda kienet ta’ kuraġġ u ispirazzjoni. Jirrakkonta li 24 siegħa qabel ma’ mietet, sejħet lill-għeżież tagħha. Bdiet l-ewwel bit-tliet uliedha: Pauline, David u Deborah.

“Sellmitilhom b’dik il-kalma kollha, skantatni, dak il-mument kważi nqisu bħala wieħed sagru,” jirrakkonta Tony. “Imbagħad ġejt jien. Qaltli ‘isma’ Ton, issa erġa’ żżewweġ ta.’ Ngħid id-dritt ħasditni, u meta tinħasad tgħid xi ħaġa li aktar biex tkun għidtha. L-ewwel li għidtilha kien ‘Joan inti ma tafnix?, ma tafx li żball darba nagħmlu jien?’ … Imma sinċerament għax ma kellix xi ngħid. Għidtilha ‘Isma’, jien saċerdot nixtieq immur.’ Donnu li dik il-kelma li kont għidt, qisu bħal meta l-ħsieb li jista’ jkun hemm is-saċerdozju ma ħallinix bi kwieti.”

Iltqajna ma’ Tony, is-Seminarju, tal-Virtù. Jinsab fit-tieni sena tal-formazzjoni saċerdotali f’kors li fil-każ tiegħu hu maħsub li jtul erba’ snin. Staqsejtu kif ħass is-sejħa għas-saċerdozju. Jispjega li ħalla marka kbira fih il-M.U.S.E.U.M. li kien membru attiv tiegħu sa meta kellu 24 sena. Qal li bl-istess mod kienet il-familja, li la darba żżewweġ iddedika ħinu għaliha, u l-fatt li flimkien ma’ martu Joan kienu impenjati f’ħafna xogħol volontarju fl-edukazzjoni, lil hinn mill-iskola fil-parroċċa ta’ Ħal Safi, fejn Tony kien imexxi l-kor.

Isejjaħ bħala providenzjali l-Kappillan ta’ Ħal Safi, il-Kanonku David Farrugia, li miegħu tkellem dwar is-sejħa għas-saċerdozju. “Għamilli l-kuntatti meħtieġa, spiċċajt għamilt id-dixxerniment, l-iscreening u x’naf jien, sakemm f’Mejju tal-2015 ġiet il-go ahead biex ngħidu hekk li nista’ nibda l-kors tal-formazzjoni għas-saċerdozju.”

It-tliet ulied żgħażagħ ta’ Tony waslu biex jieħdu l-istat tagħhom. Ibnu jinsab ukoll fit-triq biex isir saċerdot. Lesta n-novizzjat fil-Filippini mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Iż-żewġ tfajliet jgħixu d-dar, b’waħda tiżżewweġ ftit xhur oħra. Tony jħoss li uliedu aċċettaw l-għażla li għamel, anke għaliex kienu mdorrijin bil-ġenituri attivi mhux fil-familja biss. “It-tfal rawha bħala tkomplija ta’ dak li dejjem għamilna f’ħajjitna.”

Tony jgħix id-dar ma’ wliedu u jitla’ s-Seminarju għal laqgħat skont programm imfassal mir-Rettur, Dun Albert Buhagiar. Matul il-ġimgħa jkun l-Università fejn bħala parti mill-formazzjoni qed isegwi kors ta’ Baċellerat fit-teoloġija. F’Ħal Safi għadu jgħin f’diversi ħidmiet fil-parroċċa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awditur Ġenerali nnota li minkejja li żdiedu l-ispeċjalisti fid-Dipartiment tal-Outpatient tal-Isptar Mater Dei, il-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti fl-outpatient għadu eċċessiv. L-Awditur Ġenerali qal li dawn iċ-ċirkostanzi ilhom ġejjin żmien twil,…

Lokali

Andre Bugeja ta’ 19-il sena u Massimo Fasanelli ta’ 18-il sena, it-tnejn minn Tas-Sliema, baqgħu miżmuma arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru…

Lokali

Il-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika l-applikazzjonijiet u r-regolamenti għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-presepji. Il-kompetizzjoni se tkun imqassma f’sitt sezzjonijiet, li jinkludu presepji mekkanizzati u dawk statiċi ta’ daqsijiet differenti….

Lokali

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-kampanja internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li se ddum għaddejja sittax-il ġurnata, mill-24 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Joe Gerada, qal li…

Aktar