Sena f’idejn l-Autobuses de Leon: kif ilqajna l-bidla fit-trasport pubbliku?

Bħal-lum sena, it-trasport pubbliku f’Malta għadda f’idejn il-kumpanija Spanjola, Autobuses de Leon, li toperah permezz tal-kumpanija Malta Public Transport. Fl-aħħar 12-il xahar daħlu fis-seħħ bosta bidliet fosthom l-introduzzjoni ta’ card li naqqset ħafna l-użu tal-biljetti u l-flus abbord. L-aħħar bidliet fir-rotot, li daħlu fis-seħħ fil-jiem li għaddew, jidher li għadu frisk wisq b’persuni jilmentaw ma’ tvm.com.mt li bilkemm kienu għadhom draw it-tibdil li sar xi xhur ilu.

Passiġġieri fil-venda tal-Belt, barra l-Isptar Mater Dei u f’Raħal Ġdid rrikonoxxew li bosta bidliet li saru fl-aħħar sena tejbu s-servizz tat-trasport pubbliku iżda lmentaw li r-rotot qed jinbidlu spiss.

Uħud mill-passiġġieri li kienu qed jistennew tal-linja l-Belt ma qablux li l-venda prinċipali kompliet titbiegħed mid-daħla għall-kapitali u t-tluq għal xi lokalitajiet issa qed isir mill-Foss ta’ San Ġakbu.

Fl-aħħar sena l-Malta Public Transport impjegat kważi 500 xufier ġdid, uħud minnhom barranin. Maltin li tkellmu magħna osservaw li qed ikun diffiċli li jikkomunikaw ma’ xi xufiera li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż.

L-introduzzjoni min-nofs is-sena l-oħra ta’ ‘tallinja card’ jidher li ntlaqa’ tajjeb għax qed inaqqas il-ħin tal-vjaġġi. Television Malta hu infurmat li kważi nofs il-popolazzjoni għandha ‘tallinja card’. Fil-jiem li ġejjin, Television Malta se jittratta aspetti differenti tal-operat tat-trasport pubbliku f’intervista ma’ uffiċjal tal-kumpanija Malta Public Transport.