Qorti
Sena ħabs għal ‘salesman’ li ġabar il-flus għal-laħam u żammhom għalih

Salesman kien ikkundannat sena ħabs wara li nstab ħati li ġabar eluf fi flus mingħand ħwienet tal-ikel u baqa’ m’għaddihomx lill-kumpanija tal-laħam li kienet tħaddmu.

Donald Micallef ta’ 39 sena kien mixli li fl-2006 għamel qligħ għalih ta’ iktar minn Lm2,000 minn fuq dahar il-kumpanija Chef’s Choice Limited.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, semgħet lid-direttur tal-kumpanija, Joseph Mizzi, jixhed kif kienu keċċew lil Micallef, wara li mir-rikonċiljazzjoni tal-accounts sabu eluf ta’ liri neqsin.

Qal li s-sidien tal-ħwienet tal-ikel fl-Imsida u l-Gżira fejn Micallef kien jiġbor il-flus kienu jgħidu li ħallsu għal-laħam li rċevew, iżda Micallef kien jgħid li ma ħallsuhx.

Il-kumpanija kienet ippreparat skrittura biex Micallef irodd lura Lm2,500, iżda din baqgħet qatt ma ġiet iffirmata.

Il-Qorti qieset li, minkejja li wieġeb mhux ħati, Micallef ma meriex dak li qal id-direttur tal-kumpanija, u lanqas kien ikkontesta r-raġuni għat-tkeċċija tiegħu, bħal ma kellu dritt jagħmel. Micallef għalhekk instab ħati tal-akkużi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana.