Lokali
Sena ħabs wara li ħebb għal 2 pulizija u gidem wieħed minnhom

Abubakar Ibrahim Jabril intbagħat sena ħabs u multa ta’ €4,000 wara li nstab ħati li attakka lil 2 Pulizija, fejn wieħed minnhom indarab ħafif.

Il-każ seħħ nhar il-5 t’April, 2016 fit-Tiger Bar fil-Marsa meta l-Pulizija tal-Immigrazzjoni kienu għaddejjin bi stħarriġ u waqqfu lill-imputat li kien jixbah ħafna persuna li kienu qed ifittxu. Fuqu kienet instabet sustanza li llum hi illegali imma dakinhar ma kinitx. Waqt l-arrest l-imputat weġġa’ liż-żewġ pulizija fejn anke gidem lil wieħed minnhom.

Min-naħa tiegħu l-imputat qal li rreżista l-arrest għaliex ġibdulu xahru u li ma riedx jigdem lill-pulizija iżda kien il-pulizija li daħħallu idu f’ħalqu.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud tenniet li l-Pulizija għandhom ikunu protetti waqt li jkunu qed jaqdu dmirijiethom u ħadd mhu skużat li jhedded lil xi uffiċjal tal-Pulizija. Saħaq li l-ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal. Il-Qorti nnotat li qed ikun hawn aktar każijiet fejn persuni mhux jobdu ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u jattakawhom fiżikament.