COVID-19
Sena mill-ewwel każ ta’ Covid f’Malta – ara x’ġara minn dakinhar

Is-7 ta’ Marzu 2020… ifeġġ l-ewwel każ ta’ COVID-19 f’Malta; tifla Taljana ta’ 12-il sena residenti Malta tittestja pożittiva għall-Covid. Għall-ewwel il-każi tal-Covid kollha ġew minn barra minn Malta.

Fis-16 ta’ Marzu 2020 bdew ifeġġu l-ewwel każi trażmessi fil-komunità… Jibdew jingħalqu l-iskejjel, il-bars, ir-ristoranti, gyms, każini, swali fejn isiru t-tombla u ħwienet oħra, kif ukoll l-ajruport, u jiddaħħlu fis-seħħ bosta miżuri restrittivi kontra l-imxija tal-Covid.

Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar l-ewwel pakkett finanzjarju biex itaffi mill-piż tan-negozji li bdew iduqu l-effetti tal-pandemiija.

Fit-8 ta’ April 2020, tmut l-ewwel persuna li kienet infettata bil-Covid – kienet anzjana Għawdxija ta’ 92 sena.

15 ta’ Mejju 2020: jerġgħu jibdew jinfetħu l-ħwienet, u fl-1 tal-Lulju 2020 jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport.

Fis-Sajf jitħabbru miżuri restrittivi għall-attivitajiet soċjali u tal-attivitajiet tal-massa minħabba żieda fil-każi pożittivi, b’mod partikolari f’Jum Santa Marija.

Fit-28 ta’ Settembru 2020, wara sitt xhur bla skola, l-istudenti jirritornaw għal sena skolastika ġdida.

L-għada tal-Milied tasal l-ewwel kunsinna tat-tilqima, b’għaxar t’elef doża tintbagħat bl-ajru mingħand id-ditta farmaċewtika Pfizer.

Fis-27 ta’ Diċembru 2020, infermiera mit-taqsima tal-mard infettiv fl-isptar Mater Dei, Rachel Grech, tkun l-ewwel Maltija li titlaqqam bl-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid.

Fl-aħħar tal-2020 ifeġġu l-ewwel każi tal-varjant tar-Renju Unit f’Malta.

4 ta’ Marzu 2021; rekord ta’ 362 każ pożittiv f’Malta. L-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li r-raġunijiet huma l-firxa tal-varjant Ingliż, l-attivitajiet soċjali u l-laqgħat fid-djar.

L-2021 se tkun ikkaratterizzata mit-tilqim tal-Maltin u l-Għawdxin kontra l-Covid fi sforz bil-għan li jkun hawn immunità fil-komunità għat-trażżin tal-imxija tal-Covid.