Sena u nofs ħabs fuq pussess ta’ dorga eroina
Jonathan Bonello ta’ 34 sena minn H’Attard, li rriforma ruħu minn problemi tad-droga ġie  kundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €2,500, wara li l-Qorti sabitu ħati li kellu  fil-pusses tiegħu d-droga eroina, li ma kienitx għal użu personali tiegħu.
Bonello kien inqabad bid-droga l-għada tal-Milied tal- 2011, u minn dak inhar għamel programm ta’ riabilitazzjoni li minnu mistenni li jiggradwa din is-sena.
Minkejja dan, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li ma tistax tinjora l-fatt li huwa kien inqabad b’66 gramma ta’ eroina, li kienu biżżejjed biex wieħed jipprepara 660 qartas droga għal bejgħ.
Fl-istqarrija li huwa kien ta lill-Pulizija, l-akkużat ammetta li kellu problema kbira tat-teħid ta’ eroina u kienet anke ommu li qalet fil-Qorti li binha kien ilu bil-problema għal seba’ snin sħaħ.
Id-difiża argumentat li l-eroina kienet biss għal użu personali tiegħu, iżda l-Qorti qalet li ma nġiebet l-ebda prova dwar dan.
Minbarra l-ħabs u l-multa, Bonello ġie mġiegħel biex iħallas €2,000 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-Prosekuzzjono tmexxiet mill-Ispettur Herman Mula.