Qorti
Sena u nofs ħabs wara li ammetta li seraq għodda u mobile phones

Stephen Zammit ta’ 46 sena ntbagħat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq għodda u mobile phones.

Huwa kien akkużat li fit-13 ta’ Mejju, 2019, seraq minn ħanut tal-għodda f’Birkirkara, li fid-29 ta’ Lulju, 2019 seraq mobile phones u affarijiet oħra u li kiser ordni ta’ probation wara li kien instab ħati f’sentenza li tmur lura fl-2017.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabitu ħati għall-ewwel żewġ akkużi ta’ serq iżda ma sabitux ħati li kiser ordni ta’ probation. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat li l-imputat kien diġà ġie trattat għall-ksur tal-ordni tal-probation u għaldaqstant ma setgħetx terġa’ tittratta miegħu għall-istess reati li kien diġà ġie kkundannat u skonta l-piena fuqha ta’ 17-il xahar ħabs.

Il-Qorti kkunsidrat li minkejja li kien ingħata opportunitajiet varji biex jirrifforma ruħu matul is-snin huwa naqas milli jagħmel dan u lanqas ried jirrikonoxxi li għandu vizzju serju tal-abbuż mid-droga li jeħtieġ jindirizza. Osservat li ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà għal għemilu u mhuwiex interessat li jirriforma ruħu. Għalhekk il-Qorti qalet li ma tqisx li għandha tagħti lill-imputat sanzjoni fil-komunità għax tkun qed taħli l-ħin u r-riżorsi tal-istituzzjonijiet. Kompliet tgħid li hu ovvju li jeħtieġ li jingħata trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Għaldaqstant, flimkien mas-sentenza ta’ priġunerija, huwa ġie ordnat li jagħmel tliet snin trattament biex jegħleb id-dipendenza tiegħu fuq id-droga