COVID-19
Sena wara li kien f’ħalq il-mewt bil-Covid illum japprezza aktar is-saħħa u l-familja

Wieħed minn kważi tletin elf persuna f’Malta li rebħu l-battalja mal-COVID-19 għamel appell imqanqal biex kulħadd jieħu t-tilqima kontra l-COVID għax fi kliemu stess, ma jixtieq jara lil ħadd jgħaddi mit-tbatija li għadda minnha hu.

Sena ilu, Żaren Borg kien qatta’ sitt ġimgħat fl-ITU, ħafna minnhom fuq ventilator, u llum jgħid li sar japprezza aktar is-saħħa, il-ħajja u l-familja.

TVM iltaqa’ ma’ Żaren l-għada tal-festa tal-Irxoxt… “Ħeq jiena għidtlu qajjimtni miegħek, għidtlu ikbar minnek m’hawn ħadd fid-dinja.”

Bħal dan iż-żmien sena, il-Coronavirus kien poġġa lil Żaren Borg fuq is-sodda tal-mewt.

“Qaltli x’inhu (*nurse)? Inti għamilt tliet ġimgħat mejjet u qalbek biss baqgħet taħdem…u hemmhekk ksaħt.”

Sena wara l-agħar esperjenza ta’ ħajtu, il-missier ta’ tliet itfal li llum jgħodd 73 sena, qal li mill-kalvarju li għadda minnu fosthom tliet ġimgħat f’koma jgħix fuq ventilator, għaraf ferm aktar kemm is-saħħa u l-ħajja huma fraġli u prezzjużi.

“Inti stess tgħid x’ġara’ x’ġara, għala miss lili għala? Wieħed wara l-ieħor jgħidu jmiss lil Papa għax jien kont qisni barri b’saħħti u hekk u waqgħet hekk.”

Fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann, il-lokalità fejn jgħix, is-Sur Borg qalilna li sintomi m’għadx għandu għajr ftit tnemnim f’sieq minnhom.

“Qabel kien ħafna agħar saqajha imma trid tiġġieled bħal meta taqa’ f’nofs ta’ baħar.. jekk ma tgħumx tegħreq daqshekk…it-tabib inti trid tkun.”

Appella lil kull min qed jiġi mistieden jieħu t-tilqima kontra l-COVID-19 biex ifittex jeħodha.

“Min ma ħadhiex, jekk ma jimxix bil-quddiem jara kif jimxi b’lura u make sure li jeħodha u m’hemmx biża’, jien diġà ħadt l-ewwel waħda, kemm hu sewwa ma tersaqx ‘il fejn ersaqt jien għax jien naf kemm batejt.”

Żaren Borg jgħid li bl-esperjenza personali tiegħu mal-COVID jixtieq ikompli joffri tama lil dawk li qed jiġu wiċċ imb wiċċ mal-mewt minħabba l-virus, u fl-istess waqt jirringrazzja lill-ħaddiema tas-saħħa li tawh it-tieni ċans f’din l-art.