Qorti
Turist b’sentenza sospiża u multa wara li ħebb għal tliet pulizija

Ricardo Javier Ordonez ingħata sentenza sospiża u multa ta’ €1,300, wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għal surġent u żewġ kuntistabbli tal-pulizija f’Paceville.

L-Iżvizzeru, li kien fuq btala f’Malta, tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, mixli li fit-28 ta’ Diċembru ħebb u m’obdiex l-ordnijiet tal-Uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija, kiser il-paċi pubblika, kien fis-sakra f’post pubbliku u kkaġuna ħsara fuq proprjetà privata.

Mgħejun mill-avukat Simon Micallef Stafrace, huwa wieġeb ħati. Il-Qorti, fis-sentenza tagħha, ikkundannat lir-raġel 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn, filwaqt li mmultatu €1,300, li se jħallas f’pagamenti ta’ €300 fix-xahar.

Ara wkoll:

Kiser l-ordni pubblika u beda jagħti lill-Pulizija – instab fil-pussess ta’ sustanza ħadra