Lokali
Serqitlu fuq €70,000 mill-kont u dam is-snin biex induna

Mara kienet ikkundannata 3 snin ħabs wara li ammettiet li ħadet Lm30,565 (€71,000) b’qerq wara li kienet tiffalsifika firma u toħroġ ċekkijiet li ma jistgħux jissarfu.

Alexia Cross ta’ 39 sena kienet akkużata li fuq perjodu ta’ erba’ snin bejn l-2002 u l-2005 kienet tiġbed Lm300 fil-ġimgħa mill-kont ta’ raġel li llum għandu 69 sena.

Dan kienet tagħmlu billi tippreżenta ittra bil-firma tiegħu li fiha kien jawtorizzaha tiġbed dawn il-flus. Madanakollu l-firma kienet tiġi ffalsifikata minnha.

Sadanittant Cross kienet tagħti wkoll lir-raġel ċekkijiet li kien isarrfilha, li iżda mbagħad kienu jiġu ‘referred to drawer’ u ma jissarfux.

Dan kollu baqa’ għaddej sakemm il-manager tal-HSBC fil-Gżira ġibed l-attenzjoni tal-klijent b’dak li kien għaddej.

Fil-Qorti r-raġel qal li kien laħaq ftehim ma’ Cross biex troddlu lura l-flus li kienet ħaditlu, madanakollu dan il-ħlas baqa’ qatt ma sar.

Fid-deċiżjoni tagħha li tagħti piena ta’ ħabs effettiva l-Maġistrat Josette Demicoli kkunsidrat il-gravità tar-reat u l-fedina penali ta’ Cross.