Lokali
Servizz ta’ towing b’xejn fl-aktar ħinijiet bieżla tal-jum fost diversi miżuri għal aktar sigurtà fit-toroq

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg nieda kampanja ta’ Transport Malta li permezz tagħha l-awtorità se tkun qieghda tieħu bosta miżuri u inizjattivi li għandhom l-għan li jżidu s-sigurtà fit-toroq Maltin.

Fost oħrajn Transport Malta se tibda toffri servizz ta’ towing b’xejn mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-6.00 a.m. sad-9.30 a.m. u mit-3.30 p.m sas-6.30 p.m. biex min jieqaf bil-karozza jkun jista’ juża dan is-servizz.

L-istudenti Għawdxin ser ikunu jistgħu jużaw ir-rotta 300 b’xejn biex imorru l-Università, il-Junior College u l-isptar Mater Dei. Fl-istess waqt is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha se jibqa’ fis-seħħ.

Tnediet ukoll app ġdida li se tavża lis-sewwieqa dwar traffiku fit-toroq Maltin.

Il-Ministru qal ukoll li l-awtorità xtrat 4 muturi ġodda b’investiment ta’ €100,000 biex issa l-awtorità għandha 9 muturi u għall-ewwel darba ser jkollha mutur għall-infurzar f’Għawdex.

Il-Ministru ħabbar ukoll li sar investiment ukoll f’ċentru għall-kontroll tat-traffiku.