Politika
Servizzi tas-saħħa sesswali se jibdew jingħataw ukoll mill-bereġ

Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne ħabbar li l-Gvern jinsab qrib li jilħaq ftehim biex l-ispiżeriji jibqgħu miftuħin ukoll il-Ħadd biex in-nies ikollhom aċċess għal dan is-servizz matul il-ġimgħa kollha.

Dr Fearne qal dan meta kien qed jagħmel messaġġ virtwali fil-konferenza tal-Partit Laburista bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien’, li matulha ħabbar ukoll kif għadd ta’ servizzi dwar is-saħħa sesswali li kienu jingħataw biss f’Mater Dei, se jkunu qed jingħataw ukoll f’ċentri tas-saħħa u bereġ madwar il-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li bħalissa għaddejja ħidma biex l-ispiżeriji jibdew jiftħu l-Ħadd wara nofsinhar ukoll, mhux biss fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu. Skont Dr Chris Fearne, din il-miżura hija ntiża biex il-poplu jkun moqdi fil-jiem kollha tal-ġimgħa.

F’messaġġ virtwali waqt il-Konferenza tal-Partit Laburista, Dr Fearne qal li diskussjonijiet f’dan ir-rigward huma avvanzati ferm u li din il-bidla mistenni li sseħħ fiż-żmien li ġej. Ħabbar ukoll li s-servizzi dwar is-saħħa sesswali mhux se jibqgħu jingħataw fil-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei biss, iżda se jiġu offruti f’għadd ta’ ċentri tas-saħħa u bereġ madwar Malta.

Dwar is-settur tas-saħħa mentali qal li hemm bżonn li jsir iktar xogħol, b’Dr Fearne jgħid li fiż-żmien li ġej se jkunu anke qed jitwaqqgħu partijiet mill-Isptar Monti Karmeli, biex ikun iżgħar u iktar iffukat fuq servizzi speċifiċi. Qal ukoll li fiż-żmien li ġej se jkomlu jiddaħħlu iktar mediċini ġodda fil-formularju tal-Gvern, u li mis-sena d-dieħla se jibdew jingħataw b’xejn il-mediċini relatati mas-servizz tal-IVF.

Dwar il-pandemija, id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern iġġieled il-battalja b’suċċess frott is-sistema tas-saħħa reżiljenti u l-investiment kontinwu li sar. Qal li l-appuntamenti li kellhom jinqabżu fl-aħħar xhur minħabba l-Covid se jerġgħu jiġu skedati kollha, sabiex kulħadd ikollu aċċess sħiħ għas-servizzi tas-saħħa.

Irrefera wkoll għall-programm ta’ tilqim f’Malta u qal li kienu l-awtoritajiet Maltin li qabel biss kellna l-ewwel każ tal-Covid fil-pajjiż, tkellmu mal-Kummissjoni Ewropea sabiex il-pajjiżi Ewropej ma jixtrux it-tilqima għal rashom, iżda tidħol għal dan l-inkarigu l-Unjoni Ewropea u jitqassmu mal-pajjiżi. Qal li din l-istrateġija wasslet għas-suċċess fir-rata ta’ tilqim ta’ Malta, u anke fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, li qal li l-Partit Laburista għandu viżjoni għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-Perit Micallef qal li waqt dawn il-jiem tal-konferenza saru bosta suġġerimenti, li sostna se tkun qed issir riflessjoni biex jixprunaw il-bidla li trid issir fil-futur.

Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, qalet kif il-Partit Laburista se jibqa’ jiġġedded sabiex jibqa’ validu. Dr Attard temmet tgħid li hemm bżonn isiru għadd ta’ riformi anke f’liġijiet eżistenti biex ikunu iktar inklussivi u relevanti għall-pajjiż.

Ara wkoll:

Nhar ta’ Ħadd l-ispiżeriji mistennija jiftħu wkoll waranofsinhar