Qorti
Seta’ jeħel għomru l-ħabs fuq traffikar ta’ kokaina, iżda ma nstabx ħati

Edward Cardona ta’ 36 sena ma nstabx ħati ta’ importazzjoni u traffikar ta’ kokaina f’ġuri ta’ ġimgħa li ntemm matul il-lejl li għadda.

Cardona kien akkużat li ftiehem ma’ raġel Niġerjan biex f’Diċembru 2012 xtara mas-70 kapsula u 20 gramma ta’ kokaina li kienu ddaħħlu f’Malta minn mara Niġerjana li tgħix Spanja.

Il-ġurati semgħu kif il-mara kienet inqabdet iġġorr id-droga meta daħlet fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta f’Lulju 2013, u li kienet ikkoperat mal-Pulizija. Kien b’dan il-mod li l-investigazzjoni wasslet il-Pulizija biex tarresta persuna barranija, kif ukoll biex tidentifika lil Cardona.

Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, kienet qalet lill-Pulizija li ġieli daħħlet id-droga f’Malta f’okkażjonijiet oħra, fosthom sitt xhur qabel, fejn kienet tat din id-droga lil raġel li ddeskriviet bħala twil, oħxon, u fartas, li fi kliemha kien jixbah lill-karattru taz-Ziju Fester fis-serje tal-Familja Adams.

Hija għarfet lil Cardona f’ritratt minn sitta li ġiet murija. Għalkemm ma setgħetx tagħraf lil Cardona fl-awla waqt il-kumpilazzjoni, hija għarfet lil Cardona waqt il-ġuri.

Id-difiża kkritikat il-fatt li l-Pulizija uriet ir-ritratt ta’ Cardona lill-mara qabel ma ġiet murija s-sitt ritratti f’daqqa, kif ukoll għall-fatt li ma kinitx saret parata għall-identifikazzjoni. Id-difiża semmiet ukoll il-fatt li l-mara m’għarfitx lil Cardona fil-Qorti tal-Maġistrati, u appellat lill-ġurati biex ma jqisux il-proċedura tal-identifikazzjoni.

Fi tmiem il-ġuri Cardona ma nstabx ħati tal-akkużi ta’ importazzjoni tal-kokaina b’7 voti kontra 2, u mhux ħati tal-akkużi li xtrata l-kokaina għat-traffikar b’vot unanimu.

Il-ġuri kien ippresedut mill-Imħallef Giovanni Grixti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Dr Nadia Attard and Dr Anemarie Cutajar mill-Uffiċċju tal-AG, filwaqt li għall-akkużat dehru Dr Franco Debono and Dr Amadeus Cachia.

Ara wkoll:

Jibda l-ġuri ta’ raġel suspettat li kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga