Filmat: Sewwieq ta’ mutur fil-periklu tal-mewt wara ħabta ma’ vann fir-Rabat

Ray Falzon ta’ 52 sena mill-Imtarfa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur tiegħu. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 11.45 a.m. fi Triq Buqana, fil-limiti tar-Rabat.

vann Mosta (1)

Minn tagħrif li tvm.com.mt kiseb minn fuq il-post, vann misjuq minn raġel ta’ 69 sena mill-Mosta kien tiela’ lejn ir-Rabat u dar lejn għalqa fil-ġenb tat-triq. Il-mutur kien qed jinstaq wara l-vann u għalhekk it-tnejn kienu telgħin fl-istess direzzjoni.

Aktarx li l-mutur ħabat mal-vann meta dan dar biex jidħol fl-għalqa. Il-mutur tkaxkar diversi metri għal fuq il-bankina. Jidher li x-xufier tal-mutur inqabad mal-vann u baqa’ jitkaxkar mal-ġenb tiegħu sakemm il-vann waqaf.

Anki s-sewwieq tal-vann tilef il-kontroll tant li spiċċa niżel ġo għalqa oħra. Ix-xufier tal-mutur inħareġ minn taħt il-vann mill-paramediċi.

Ix-xufier tal-mutur ingħata l-ewwel għajnuna minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei li wasal b’ambulanza. Minnufih hu ttieħed l-isptar fejn ġie ċertifikat li għandu grieħi gravi u l-qagħda tiegħu hi kritika. Ix-xufier tal-mutur iċċelebra għeluq sninu l-bieraħ.

Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun ħejjew rapport dwar l-inċident li dwar nfetħet ukoll inkjesta mill-Maġistrat.