Lokali
Sewwieqa mħeġġa jużaw Park and Ride bi 380 spazju u servizz ta’ trasport pubbliku fil-Marsa

Sewwieqa li jgħaddu mill-junction tal-Marsa qed jiġu mħajra jużaw modi differenti ta’ trasport biex jaslu sad-destinazzjoni aħħarija tagħhom. Il-Ministru Ian Borg qal li min ikun qed isqu mill-inħawi jista’ jipparkja fil-parkeġġ li nbena apposta bi spazju għal 380 vettura, u minn hemm is-sewwieqa jkunu jistgħu jaqbdu xi waħda mis-70 rotta tat-trasport pubbliku li jgħaddu minn hemm kull siegħa lejn lokalitajiet varji.

Bil-għan li jinbidel il-mod ta’ kif wieħed jivjaġġa minn post għall-ieħor, il-Gvern qed iħajjar lill-pubbliku biex jużaw iktar is-servizz pubbliku u l-ispazju tal-parkeġġ għall-vetturi li hemm bħala parti mill-proġett tal-Junction tal-Marsa.

L-idea hija li t-380 spazju tal-parkeġġ li sar fil-proġett tal-Marsa jintużaw mis-sewwieqa biex jipparkjaw il-vetturi tagħhom u minn hemm jaqbdu t-trasport pubbliku biex imorru lejn fid-destinazzjoni aħħarija tagħhom.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, appella lin-nies biex jużaw dan is-servizz, li huwa bla ħlas. Sostna li hemm bżonn ta’ bidla fil-mentalità biex aktar nies jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport.

“Il-fatt li l-gvern jagħti tarsport pubbliku b’xejn ma jkunx qed jaqbad lil kulħadd. Jiġifieri inti xorta għandek nies li jekk tagħtihom trasport pubbliku b’xejn xorta mhumiex se jkunu qed jagħmlu l-bidla, però għandek ammont importanti li jagħmlu dik il-bidla għax jieħdu inkonsiderazzjoni ta’ budgeting speċjalment jekk huma żgħażagħ jekk huma studenti jew jekk huma anzjani bil-pensjoni.”

Il-Ministru Borg ħeġġeġ lil dawk li min-naħa t’isfel ikunu serjin il-Belt biex iħallu l-vettura tagħhom fil-Marsa u jkomplu l-vjaġġ tagħhom b’tal-linja. Innota li mill-Marsa jgħaddu mas-70 vjaġġ b’tal-linja f’siegħa waħda. Żied jgħid li fl-aħħar snin żdiedu l-inċentivi biex aktar nies jużaw it-trasport pubbliku li qed jingħata bla ħlas liż-żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-20 sena, lill-anzjani li għandhom aktar minn 70 sena, lill-istudenti ta’ kull età u lill-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Borg qal li dalwaqt se jitħabbru numru ta’ rotot ġooda li se jkunu marbuta mas-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex li se jidħol fis-seħħ 5 ijiem oħra.