Lokali
Sforzi effettivi mmirati biex jikkumbattu l-ħasil ta’ flus

Din il-ġimgħa ngħata bidu għall-proċess biex ikompli jissaħħaħ l-Anti-Money Laundering Team, l-AMLT b’żewġ uffiċċjali tad-Dwana oħra biex b’hekk l-uffiċċjali telgħu minn 9 għal 11.

Waqt investigazzjonijiet li jinvolvu kuntrabandu, evażjoni ta’ taxxa, ħasil ta’ flus u ffinanzjar ta’ terroriżmu, fost l-oħrajn, id-Dwana issa għandha s-setgħa li titlob u tiġbor tagħrif mingħand kull entità rigward tranżazzjonijiet li jkunu għaddew, anki dawk li jseħħu bejn partijiet terzi.

Permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra li nbidlet, operaturi ekonomiċi, kull meta jkunu mitluba, huma obbligati jagħtu aċċess lill-uffiċċjali tad-Dwana għas-sistemi elettroniċi u r-rekords tagħhom biex isir l-ivverifikar meħtieġ.

Bidla oħra importanti fil-leġiżlazzjoni li tħaddem id-Dwana hi li issa kull ammont ta’ flus, kemm dak iddikjarat kif ukoll jekk mhux iddikjarat, jista’ jinżamm fuq il-fruntiera f’każ li jkun hemm suspett ta’ attività kriminali.

Bejn l-2016 u l-2020 id-Dwana qabdet:

  • Qabdiet rekord ta’ tunnellati ta’ droga, b’valur fit-triq li jlaħħaq aktar minn €179 miljun.
  • Bi €2.4 miljun fi flus kontanti mhux iddikjarati.
  • Numru kbir ta’ dgħajjes u muturi tal-baħar maħsub li huma intenzjonati għall-ittraffikar tal-bnedmin.
  • 176 miljun pillola tramadol, intenzjonati għal Jiħadisti u għall-użu f’żoni ta’ gwerra mill-milizji, b’valur ta’ aktar minn €1.2 biljun.
  • Aktar minn 900 dummy rifle.
  • Kważi €1 biljun fi flus b’denominazzjoni ta’ Dinari Libjani.
  • Miljuni ta’ oġġetti kontrafatti, b’valur ta’ aktar minn €111-il miljun.
  • Miljuni ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, b’valur ta’ €43.5 miljun.