Immigrazzjoni
Sħabu xorbu l-ilma baħar u tnaqqru wieħed wieħed – hu kien rassenjat li jmut

Wara 11-il ġurnata bejn sema u ilma, Mohammed Adam Oga huwa l-unika immigrant li rnexxielu jeħlisha minn ħalq il-mewt waqt li kien qed jaqsam il-Mediterran mil-Libja, flimkien ma’ 15-il immigrant ieħor, fosthom mara tqila.

F’intervista ma’ TVM, Mohammed Adam Oga jirrakkonta kif ra lil sħabu jmutu quddiemu taħt xemx tiżreġ, filwaqt li beda jwerżaq għall-għajnuna lil kull vapur li beda jgħaddi. Hu m’għandux kliem biżżejjed biex irodd ħajr lill-awtoritajiet Maltin, għax fi kliemu baqa’ ħaj b’miraklu.

Fuq sodda fl-Isptar Mater Dei, sibna lil Mohammed Adam Oga. Bl-għajnuna ta’ interpretu, Mohammed spjegalna li hu Etjopjan u li spiċċa l-Libja għax f’pajjiżu hemm inkwiet politiku.

Jgħid li fil-Libja ġie maħtuf iktar minn darba bil-għan li jitħallsu l-flus għall-ħelsien tiegħu. Jisħaq illi kieku baqa’ fil-Libja, kien se jmut.  Għalhekk ipprova jaħrab, u fi Tripli kellem traffikant li talbu $700 biex iwasslu Malta.

Fuq id-dinghy kien hemm 15-il persuna, fosthom mara tqila mill-Ghana. Spiċċaw bla ikel u lanqas ilma. Qal li kellhom iduru għall-ilma baħar, huwa beda jixrob ftit, iżda l-oħrajn xorbu wisq.

Wara ħamest ijiem fuq il-baħar, mietu żewġ immigranti. Spjega kif kull jum li beda jgħaddi, il-baħar inbidel f’ċimiterju għall-bqija ta’ sħabu. Baqa’ jiftakar biss 10 min-nies li rahom imutu, u l-kumplament ma jiftakarx sew x’sar minnhom.

Taħt xemx taqli l-ankri, l-iġsma bdew jintnu. Jgħid li raġel mis-Somalja bl-isem ta’ Ismael li kien miegħu, beda jwaddab il-katavri l-baħar u jgħajjat għall-ajjut lill-ħelikopters u d-dgħajjes li kienu għaddejin.

Mohammed irrassenja ruħu li se jmut, u baqa’ rassennjat anki meta t-tim tas-salvataġġ niżel biex isalvah, għax id-dinghy kien imtaqqab.

Meta daħal l-isptar skopra li anke Ismail tilef ħajtu, u li hu kien l-unika immigrant li salva. Ta’ dan jirringrazzja minn qalbu lill-poplu Malti.

Għalkemm it-triq hi t-twila biex jirkupra, u ma jafx x’se jiġri fil-futur, Mohammed jgħid li jħalli d-destin tiegħu f’idejn Alla.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 26 sena mill-Maċedonja ġie akkużat li seraq €300 minn stabbiliment fil-Mellieha fejn kien jaħdem bħala waiter. Igor Illievski wieġeb hati tal-akkuza miġjuba kontrih. Huwa radd lura l-flus li…

Qorti

Josef Sadi mill-Imsida wieġeb mhux ħati ghall-akkuża li ta daqqa ta’ flixkun lil mara Taljana meta lbieraħ kienu fi stabbiliment f’Paceville. Il-Qorti tat lil Sadi l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali…

Televiżjoni u Radju

Appuntament mill-ġdid ma’ X Factor Malta li t-tieni edizzjoni tiegħu tibda fuq TVM dalwaqt. Mill-Boot Camp għaċ-Chair Challenge u l-Judges Houses, l-udjenza ta’ TVM  se jerġa’ jkollha spettaklu ta’ talent…

Stejjer Umani

Disk Jockey Ingliż kien Malta għal vaganza mas-sieħba tiegħu, li għal ftit ma ntemmitx fi traġedja. Huwa waqa’ m’għola erba’ sulari mill-gallarija tal-kamra tiegħu fil-lukanda Seabank, fil-Mellieħa. L-inċident seħħ fil-15…

Aktar