Qorti
Sid ta’ appartament iwaqqaf żviluppatur milli jagħmel fetħa fl-appoġġ u jħaffer miegħu

Sid ta’ appartament f’Ħad-Dingli talab mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf lill-ġar tiegħu milli jħaffer viċin l-appoġġ u jagħmel fetħa fl-istess ħajt.

Sid l-appartament qal lill-Qorti li skont l-applikazzjoni li saret mal-Awtorità tal-Ippjanar, il-blokka li se tinbena se tkun tmiss mal-binja tiegħu fi Triq San Pawl, u se tinkludi erba’ garaxxijiet taħt l-art, garaxx fuq il-livell tat-triq, mezzanin u erba’ appartamenti.

Permezz tal-perit tiegħu, huwa kien kiteb lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġbed l-attenzjoni li t-tħaffir mal-ħajt komuni huwa ppjanat li jsir f’distanza inqas minn 76 ċentimetru, li huwa l-inqas bogħod permess mil-liġi.

Qal ukoll li se ssir fetħa fl-istess ħajt biex il-garaxxijiet tal-binja li jgħix fiha sid l-appartament jingħaqdu mal-garaxxijiet tal-binja l-ġdida. Il-perit imqabbad mis-sid qal li din il-fetħa se tolqot ħażin is-saħħa tal-appoġġ.

Madanakollu l-permess ħareġ u x-xogħol fuq il-binja seta’ jibda f’nofs Awwissu li għadda, bis-sid għalhekk talab mandat mill-Qorti.

Min-naħa tiegħu l-iżviluppatur għamel diversi argumenti, fosthom li sid l-appartament m’għandux garaxx fil-blokka u li x-xogħol għadu ma bediex, bil-Qorti tqis li dawn huma kollha irrelevanti.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef  Christian Falzon Scerri, qalet li, bla ma tidħol fil-qalba tal-kwistjoni, daqqa t’għajn lejn il-pjanta turi li teżisti l-possibilità li jista’ jsir tħaffir li jasal sal-ħajt diviżorju, xi ħaġa li tikser il-liġi.

Qalet li lanqas ma hu permess mil-liġi li jinfetħu aperturi fl-appoġġi mingħajr il-permess tal-inkwilini, bħal ma jidher li se jiġri f’dan il-każ.

Żiedet li, lil hinn min-nuqqas ta’ permess, anki l-perit li bena l-binja oriġinali ddikjara li l-ippjanar tal-binja fil-livell taħt l-art ma kienx maħsub biex ikun hemm fetħiet ma’ proprjetajiet ta’ terzi.

Il-Qorti għalhekk għaddiet biex tilqa’ l-mandat b’mod definittiv, bl-ispejjeż tal-Qorti jridu jitħallsu mill-iżviluppatur.