Lokali
Sidien ta’ ħwienet tax-xorb se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn kważi €3,500 f’pagament ta’ darba

Il-benefiċċju għas-sidien ta’ ħwienet tax-xorb se jiżdied b’aktar minn nofs miljun ewro għal total ta’ żewġ miljuni u seba mitt elf ewro li se jingħataw mill-Gvern biex ipatti għall-perjodu kemm se jdumu magħluqin bejn Novembru u Marzu.

Ħwienet tax-xorb u każini se jingħataw pagament ta’ darba jekk japplikaw għall-iskema se tinfetaħ nhar it-Tnejn, bl-applikazzjonijiet mistennija jkunu proċessati fi żmien ġimagħtejn.

Każini tal-banda u ħwienet tax-xorb għandhom ġimagħtejn ċans biex japplikaw għall-għajnuna finanzjarja mill-Gvern intiża li tagħtihom nifs sakemm idumu magħluqin minħabba l-pandemija.

Meta kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Għaqda Każini tal-Baned, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-għajnuna finanzjarja għall-ħwienet tax-xorb u l-każini ġiet estiża biex tkopri ix-xahar ta’ Marzu.

L-iskema hi maqsuma fi tlieta, b’pagament ta’ darba li se jingħata biex ikopri l-perjodu bejn Novembru tas-sena l-oħra u Marzu.

L-ewwel skema hi maħsuba għall-ħwienet tax-xorb kummerċjali fejn kull bar jista’ jieħu sa €3,587 – żieda ta’ €717minn kemm kienu se jingħataw qabel. Skema B hija għall-operaturi tal-bottegini tal-każini b’kull operatur issa jista’ jieħu sa €2,325. L-għaqdiet li għandhom il-każini, minbarra dawk politiċi, se jingħataw sa €1,575.

“Peress li l-barijiet u l-każini se jibqgħu magħluqin sal-aħħar ta’ Marzu ħassejna li ridna nagħtu l-għajnuna kollha possibli u estendejna l-iskema ta’ barijiet u każini b’€550,000 oħra. Dan ifisser li s-somma li ħabbarna qabel se tkopri x-xahar li skont miżuri ta’ saħħa pubblika se jibqgħu magħluqin. Qed naraw li inħaffu il-proċess ta’ verifika biex mhux biss nagħtu l-għajnuna imma nagħtuha malajr.”

L-operaturi tal-ħwienet tax-xorb u tal-każini għandhom min-nhar it-Tnejn sal-15 ta’ Marzu biex japplikaw fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tat-Turiżmu li se tipproċessa l-applikazzjonijiet fi żmien ħmistax.

Hu stmat li minn din l-għajnuna finanzjarja se jibbenefikaw mad-90 każin tal-banda u 140 għaqda sportiva.