Lokali
Il-Gvern jipproponi li l-kirjiet residenzjali ma jiżdidux b’aktar minn 5% fis-sena

Mill-1 ta’ Jannar li ġej il-kirjiet residenzjali privati jridu jintrabtu għal mill-inqas sena, jiġu reġistrati mal-Awtorità tad-Djar u s-sid ma jistax iżid il-prezz tal-kirja b’aktar minn 5% fis-sena. Waqt il-preżentazzjoni tar-riforma tal-liġi tal-kera tħabbar li min ma jirreġistrax il-kirja jista’ jeħel multa ta’ bejn €2,500 u €10,000 waqt li s-sid li jikri għal iktar minn sentejn jista’ jgawdi minn kreditu tat-taxxa ta’ bejn €200 u €500 fis-sena. Il-liġi se tipprovdi għal mekkaniżmu għal rimedju aktar malajr fi kwistjonijet dwar manutenzjoni jew kontijiet bejn is-sisidien u l-inkwilini waqt li tirregola wkoll il-kiri ta’ kmamar jew kirjiet qosra ta’ sitt xhur.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-riforma fil-liġi tal-kera se ttemm l-inċertezza għall-inkwilini li sa issa kienu qed jgħixu bil-biżgħa li s-sid jaqbad u jżidilhom il-prezz waqt li se tinkoraġixxi lis-sidien jkunu konformi mar-regoli tas-suq li sa issa fisser bħala ‘ġungla’.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal “ma morniex bl-idea li nippenalizzaw, li inti ġġiegħel lis-sid jagħmel xi ħaġa imma morna bl-idea illi lis-sid tinċentivah”.

Id-dettalji tar-riforma tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ntqal li din se taffettwa biss kuntratti tal-kiri għal skop residenzjali u mhux għal kirjiet soċjali, turistiċi jew kuntratti ta’ qabel l-1995.

Il-liġi se tobbliga li mill-1 ta’ Jannar li ġej kull kirja għal skop residenzjali primarju tiġi reġistrata mis-sid mal-Awtorità tad-Djar u li l-kuntratt tal-kirja ma jkunx inqas minn sena. Flimkien mal-kuntratt tal-Kera, irid jiġi ppreżentat l-inventarju tal-mobbli fil-proprjetà u d-depożitu.

Bir-riforma l-inkwilin irid bilfors jonora l-ewwel xahrejn tal-kirja qabel ikun jista’ jinħall mill-kuntratt billi jagħti perjodu ta’ avviż lis-sid ta’ mill-inqas xahar; jekk is-sid ma jkunx irid iġedded il-kirja għandu javża lill-inkwilin tliet xhur qabel jintemm il-kuntratt u jekk ma javżax fil-perjodu stabbilit, il-kirja tiġġeded b’mod awtomatiku għal sena oħra.

Għalkemm il-perjodu minimu tal-kirja hu ta’ sena, is-sid u l-inkwilin jistgħu jaqblu fuq kuntratt itwal. F’każ ta’ kuntratt ta’ tliet snin jew aktar, l-ewwel sitt xhur huma obbligatorji għall-inkwilin u wara l-inkwilin jista’ jinħall mill-kuntratt billi jagħti avviż lis-sid ta’ minn tal-anqas tliet xhur. Jekk is-sid ma jkunx irid iġedded il-kirja, għandu javża lill-inkwilin tliet xhur qabel jintemm il-kuntratt. F’każ li s-sid ma javżax lill-inkwilin, il-kirja tiġġeded b’mod awtomatiku għan-numru ta’ snin stabbiliti fil-kuntratt oriġinali.

Il-prezz tal-kirja jista’ jiżdied skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-propjetà li jiġu kkomunikati mill-Awtorità tad-Djar iżda l-massimu taż-żieda ma tistax taqbeż il-5% fis-sena.

B’din il-liġi l-Gvern qed jinċentiva kuntratti tal-kera aktar fit-tul tant li s-sidien li joffru kuntratti ta’ sentejn jew aktar se jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa li huwa bbażat fuq id-daqs tal-proprjetà u l-perjodu tal-kirja.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes qal li r-riforma tfasslet wara konsultazzjoni twila u wiesgħa.

“Il-ħsieb hu li ndaħlu liġi bħala landmark fil-qasam tal-propjetà u tal-kirjiet kif hemm f’ħafna mill-pajjiżi fl-Ewropa li s-suq ikun regolarizzat imma wkoll indaħlu flessibiltà, l-effiċjenza, is-sigurtà u anke nagħtu stabbiltà lil min qiegħed fis-suq tal-kera” qal is-sur Galdes.

Il-liġi li se tiġi ppreżentata fil-Parlament se ssaħħaħ is-setgħat tal-Awtorità tad-Djar, bil-Kap Eżekuttiv Leonid McKay jgħid li se titwaqqaf taqsima ġdida li tinkludi l-infurzar u bord li jiddeċiedi malajr kwistjonijiet żgħar bejn is-sidien u l-inkwilini.

Leonid McKay qal “f’temp ta’ 5 working days se jkun hemm deċiżjonijiet fuq dan it-tilwim li pereżempju depożitu, manutenzjoni u dawn huma wieħed mill-iktar issues li ħarġu fil-konsultazzjoni tal-white paper li jistgħu jaffettwaw relazzjoni taż-żewġ partijiet”.

F’dan l-isfond, il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici qal li r-riforma mhux biss se tirregolarizza s-suq tal-kera iżda ttejjeb l-effiċjenza fil-Qrati fil-kawżi tal-kera.

F’każ ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-kirja, l-Awtorità tad-Djar se tipproċedi quddiem il-Bord li jirregola l-Kera biex is-sid jeħel multa amministrattiva li tista’ tlaħħaq l-€10,000.

F’dawn il-każi, il-Bord li jirregola l-Kera jista’ jimponi kirja ta’ tliet snin għal mhux aktar minn 75% tal-prezz tas-suq.

Aħbarijiet Oħra
Budget

B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Joseph Muscat ma’ wieġeb xejn fuq is-sitwazzjoni tal-għalliema, tal-middle class, tal-popolazzjoni tiżdied, fuq il-problemi tal-banek u fis-settur tal-gaming. Fuq…

Ambjent

Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, waqt li rtira l-emenda oriġinali tal-Gvern għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, ressaq emenda ġdida li permezz tagħha l-Parlament Malti iddikjara emerġenza fil-klima, bil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u Ippjanar tal-Iżvilpp jinbidel…

Budget

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex fiha isir proġett turistiku. Waqt li wieġeb għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-baġit, Dr Muscat żvela li…

Immigrazzjoni

Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li s-soċjetà Maltija għandha tagħmel dak kollu possibbli biex toħnoq id-diskors ta’ mibegħda. Hija kienet qed titkellem fid-dawl ta’ rapport minn The Times…

Aktar