Enerġija
Sidien ta’ vetturi elettriċi se jgawdu rati aħjar biex jiċċarġjaw il-karozza fil-garaxx

Mitt sid ta’ vetturi elettriċi ser jibbenefikaw minn rati fissi u vantaġġjużi għax-xiri tal-elettriku biex jiċċarġaw il-karozzi tagħhom fi proġett pilota li nediet l-Enemalta bħala parti mill-pjan tal-Gvern biex jinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi elettriċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jason Vella, spjega li s-sidien ser iħallsu rata fissa ta’ 13-il ċenteżmu għal kull unit, bejn nofs il-lejl u s-sitta ta’ filgħodu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta qal li s-sidien li jikkwalifikaw irid ikollhom garaxx privat fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom. Huwa spjega li ser jiġi installat arloġġ li miegħu ser jitqabbad iċ-charger tal-vettura, bis-sidien ser iħallsu rati fissi.

“Il-mod kif inhi configured sal-lum hija li bejn nofsillejl u s-sitta ta’ filgħodu tapplika ‘flat tariff’ ta’ bejn wieħed u ieħor 13-il ċenteżmu u fil-ħinijiet l-oħra jkunu qed japplikaw it-tariffi normali tar-residenza fejn tkun qed tiġi ċċarġjata l-karozza.”

Is-Sur Vella qal li l-enerġija kkunsmat tul il-bqija tal-ġurnata ser jiżdied mal-konsum tar-residenza.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Michael Farrugia, qal li l-proġett pilota mistenni jwitti t-triq biex tiġi implimentata l-miżura mħabbra għall-budget ta’ din is-sena. Spjega li ż-żewġ għanijiet huma biex l-użu tal-konsum tal-enerġija ma jibqax konċentrat fl-aktar ħinijiet ta’ matul il-ġurnata waqt li jiġi inċentivat l-użu tal-karozzi elettriċi u ibbridi.

“Ikollok inqas spiża biex inti tiċċarġja l-karozza tiegħek jekk spejċlament inti tikkonsma ċertu ammont ta’ elettriku matul is-sena,” qal il-Ministru Farrugia.

L-għażla tal-benefiċċjari ser tkun ibbażata fuq min jiġi l-ewwel jinqeda u t-tagħrif jista’ jinkiseb minn fuq is-sit elettroniku tal-Enemalta.