Sidien tal-karavans għandhom dritt isorġu fejn jixtiequ?

Hekk kif is-Sajf jinsab magħna, numru kbir ta’ persuni u familji jibdew jippjanaw modi differenti kif iqattgħu u jgawdu dan l-istaġun. Il-camping u l-karavans jibqgħu attivitajiet popolari ferm mal-Maltin.

F’dawn l-aħħar ġimgħat smajna b’ħafna tgergir rigward numru ta’ karavans li għażlu li jmorru f’xi post pubbliku biex igawdu d-delizzju tagħhom. Biss jista’ dan isir bla permess? U jekk fill-mument ma hawnx postijiet apposta għal dan il-għan, fejn tista’ tmur din il-komunità biex tipprattika d-delizzju tagħha?

Popolin tkellem ma’ diversi entitajiet biex jifhem aħjar liema awtorità hija dik responsabbli mill-permessi ta’ dan it-tip. Fost l-entitajiet ikkuntattjati kien hemm; l-Awtorità tal-Ippjanar, il-LESA, l-Pulizija u Transport Malta li lkoll spjegaw li m’għandhomx responsabbiltà diretta biex jipprovdu permess jew direzzjoni lill-komunità tal-karvans.

Popolin tkellem ukoll mal-Malta Camping and Caravans Association li bi stqarrija konfermat li fil-mument m’hawnx awtorità kompetenti biex tipprovdi assistenza jew informazzjoni f’dan ir-rigward. Minn naħa tagħhom irringrazzjaw lil Ministru Aaron Farrugia li beda d-diskussjonijiet biex din il-problema tiġi indirizzata.

Marco Attard Portughes, rappreżentant mill-Awtorità tal-Ippjanar spjega li l-pjanijiet lokali huma dokumenti li jagħtu permess biex art tiġi mogħtija għall-użu speċifiku, biss dan jiddependi fuq numru ta’ fatturi. “Il-pjanijiet kollha, mhux biss dawk lokali jħarsu b’mod olistiku lejn li jkun hemm bilanċ fl-użu. Nafu biżżejjed li l-art f’pajjiżna hija waħda limitata ħafna u hemm firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet li jridu jiġu ndirizzati fosthom dawk rurali, agrikoli, rikreazzjonali, postali eċċ. U dan kollu filwaqt li għandha tittieħed in konsiderazzjoni l-protezzjoni tal-ambjent. Għalhekk hemm ċertu limitazzjonijiet, l-importanti li jinżamm bilanċ”.

Huwa żied jgħid li l-Gvern għadu kif talab lill-Awtorità tal-Ippjanar biex toħroġ dokument għad-diskussjoni rigward spazji għall-attività rikreattiva li tinkludi mhux biss l-ikkampjar u l-karavans imma wkoll spazji miftuħa li jistgħu jintużaw mill-pubbliku għal attivitajiet fil-kampanja bħal mixi jew pikniks bil-għan li pajjiżna jkun jista’ joffri iktar spazji u attivitajiet li l-familji jistgħu jagħmlu fil-miftuħ fost l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.