Kronaka
Simon Schembri: “bdejt ngħidlu ieqaf…ħa toqtolni”

F’xhieda li tkexkex, il-Kuntistabbli Simon Schembri li f’Mejju li għadda safa’ imtajjar f’Ħal Luqa stqarr li meta spiċċa taħt il-karozza misjuqa minn Liam Debono, beda jitolbu jieqaf għaliex kien ser joqtlu. Huwa kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni fil-każ kontra Debono li jinsab mixli fost oħrajn bl-attentat ta’ qtil ta’ Schembri flimkien ma’ akkużi oħra fosthom li kien qed isuq mingħajr liċenzja. Il-Kuntistabbli Schembri qal li meta nqala’ minn ma taħt il-karozza, ħass ħruq kbir u ġismu kienu qisu qed idub. Stqarr li wara żewġ operazzjonijiet għadu muġġugħ ħafna u ma jistax imur għax-xogħol.

Fl-ewwel xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni fil-każ kontra Liam Debono ta’ 17-il sena, f’awla ppakkjata b’membri tal-korp u qrabatu, il-Kuntistabbli Schembri pass pass kif seħħ l-inċident li kien għoddu qatlu minkejja li bħala Kuntistabbli tat-traffiku kien libes l-ilbies protettiv saħansitra aktar minn dak li jipprovdi l-Korp tal-Pulizija. Xehed li fejn l-ajruport l-antik fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi nnota Mercedes griża. Schembri qal li għorkitu għajnejh mill-vettura għax il-ħġieġ kien iswed u ma setax jara ġewwa l-karozza.

Spjega kif taptap mal-ħġieġa tan-naħa tax-xufier u hekk kif dan niżżel il-ħġieġa rrealizza li l-vettura kienet left hand drive bis-sewwieq li identifika bħala Liam Debono jsuq il-vettura bis-seat kollu mniżżel u mitluq ‘ a la chanchè’. Huwa staqsieh għaliex ma kienx liebes seatbelt u qallu biex jieqaf mal-ġenb biex ikellmu.

Qal li niżel minn fuq il-mutur, ġab il-ktieb taċ-ċitazzjonijiet u għamillu sinjal biex jidħol wara l-mutur. Schembri qal li minkejja li kien hemm biżżejjed spazju, Liam Debono daħħal il-karozza startjata u skuntrata għat-triq. Il-Kuntistabbli qal li mar mat-tieqa u talab lis-sewwieq id-dokumenti u Debono qallu ” uwejja ħallini” għal diversi drabi,.

Qal li hu ċċekja mal-control room tal-Pulizija n-numru tal-karozza tal-vettura iżda ma laħaqx sema’ r-risposta għax Debono għafas il-gass u saq fuq Schembri. Il-Kuntistabbli xehed li huwa spiċċa fuq il-bonnett tal-karozza u beda jipprova jaqbad ma’ xi ħaġa biex ma jiżloqx waqt li s-sewwieq żied fl-ispeed. Schembri qal li spiċċa taħt il-karozza b’sidru l’isfel u beda jkaxkru taħt il-karozza.

Is-Sur Schembri qal li nofs ġismu baqa’ mwaħħal taħt il-karozza tant li seta’ jara t-tyre ta’ quddiem maqtugħ mill-art u beda jitlob lil Debono biex jieqaf għax kien se joqtlu. Kompla jixhed li beda jipprova jinqala’ minn taht il-karozza li daret f’daqqa, inbeżaq minn taħtha u ġie wiċċu ‘l fuq. Qal f’daqqa waħda ħass sensazzjoni li kienet agħar minn ħruq u ħass ġismu jdub, u beda jiġġieled għan-nifs.

Huwa qal li għaraf lis-Surġent Matthew u qallu biex jieħu kemm jiflaħ ritratti biex jekk imut ikun hemm l-evidenza. Talbu wkoll biex ma’ jgħidx lill-martu għax ma riedx jaħsadha. Stqarr li meta sema’ l-kollega tieghu jitlob għall-għajnuna b’mod panikuż fuq ir-radju, induna li s-sitwazzjoni kienet gravi ħafna.

Mistoqsi dwar l-uġigħ li ġarrab huwa qal li kellu jagħmel żewġ operazzjonijet, waħda biex neħħewlu driegħ. Qal li tilef idu mill-minkeb l-isfel, għandu 11 il-kustilja maqsuma u uġigħ kbir fix-xewka ta’ dahru. Huwa qal li l-uġigħ ma waqafx, anzi żdied tant li għadu ma jistax imur għax-xogħol.