Qorti
Sindku jinżamm responsabbli wara li mara waqgħet f’ħofra

Is-Sindku tas-Swieqi nżamm responsabbli għal inċident li fih mara waqgħet f’ħofra u weġġgħet bil-kunsill lokali tal-post jiġi ordnat iħallasha €10,000 f’kumpens.

Carmen Micallef fetħet il-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati kontra Noel Muscat bħala Sindku tas-Swieqi u l-Awtorità għat-Trasport fejn żammithom responsabbli għall-inċident li seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2015.

Micallef qalet li hija kienet miexja fi Triq Joseph Kalleja u peress li dakinhar kienet ix-xita ma ndunatx b’ħofra li kien hemm u baqgħet nieżla fiha. Hija ippruvat tqum imma reġgħet waqgħet fejn ħassha ħażin.

Il-mara spjegat li kellha tittieħed l-isptar fejn ġiet operata u damet ħamest ijiem. Hija spiċċat kellha tieħu l-leave kollu sakemm tirkupra u kellha tqabbad anke seftura biex tgħinha.

Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi rribatta billi qal li t-triq kienet responsabbiltà tal-Gvern u nsista li l-Awtorità għat-Trasport qatt ma qaltlu biex jibni t-triq.

Min-naħa tagħha, l-Awtorità għat-Trasport qalet li t-triq mhix waħda arterjali jew distributorja u għalhekk kien il-kunsill responsabbli għaliha.

Wara li semgħet in-naħa kollha nvoluti fil-kawża l-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li t-triq kienet waħda residenzjali u għalhekk kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-imsemmi kunsill.

Hija sostniet li tistenna li jkun il-kunsill li jneħħi kull periklu li jeżisti fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ħaġa li m’għamilx f’dan il-każ.

Kien għalhekk li ordnat lill-Kunsill Lokali biex iħallas l-imsemmi kumpens lill-mara għall-ġrieħi li sofriet.