Politika
S’issa l-Gvern wettaq 90% tal-miżuri soċjali mwiegħda

Il-Gvern implimenta 34 miżura soċjali, li wħud minnhom daħlu fis-seħħ għall-ewwel darba, speċjalment fil-qasam tat-tfal.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-miżuri mwettqa se jirrendu f’iktar ġid soċjali biex jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies u ssir ġustizzja soċjali ma’ dawk l-iktar vulnerabbli.

90% tal-mizuri li l-Gvern wiegħed li se jwettaq fil-qasam socjali saru u llum qed jaghtu l-frott mixtieq f’diversi oqsma. Dan qalu l-Ministru tas-Solidarjeta u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta kien qed jagħti rendikont tal-miżuri soċjali li saru fl-aħħar tliet snin u nofs.

Il-Ministru Falzon qal li dawn il-miżuri laqtu pożittiv lill-anzjani li kellhom xi bolol nieqsa u issa għall-ewwel darba qed jieħdu l-pensjoni. Dr Falzon qal li l-Ministeru ħaseb ħafna fit-tfal, b’sensiela ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ħarsien, għotja għal min jadotta tfal minn barra minn Malta, u benefiċċji għal min jiffosterja jew jadotta tfal minn Malta.

Il-Ministru Falzon qal li f’Malta hawn 400 tifel u tifla li ma jgħixux mal-ġenituri tagħhom riżultat ta’ problemi soċjali, tant li qed tinħass il-ħtieġa li tinbidel il-liġi biex l-adozzjonijiet lokali jkunu faċilitati.

“Li hija għal qalbi li l-konsultazzjoni pubblika li għamilna fuq l-addozzjoni tat-tfal Maltin, għaliex għandu jkollna 400 tifel maqlugħin mid-dar tal-familja bioloġika u mbagħad għandna koppji jaddottaw , fejn hemm bżonn nibdlu l-liġi wkoll, hemm hafna x’għamilna u hemm ħafna x’nagħmlu, imma l-gwida tibqa’ dejjem li kemm huwa possibbli titwettaq ġustizzja soċjali.”

Il-Ministru Falzon qal li l-qasam soċjali huwa importanti ħafna, tant li qed jingħataw anke servizzi soċjali fid-djar tan-nies fejn ikun meħtieġ, tant li spjega kif fl-aħħar snin eluf ta’ tfal inħarġu mill-faqar li kienu jgħixu fih.