Lokali
Sistema ġdida kif jintrefgħu il-fdalijiet tal-mejtin

Iċ-ċimiterju tal-Parroċċa ta’ Ħal Lija qed jintroduċi sistema ġdida ta’ kif jintrefgħu l-fdalijiet tal-mejtin meta jinqalgħu mill-oqbra. Dan qed isir b’kompartimenti tal-irħam ‘il fuq mill-art. Din is-sistema taf ittaffi problema f’ċimiterju, li bħal ħafna oħra oħra, m’għandux spazju fejn jitkabbar u l-problema tan-nuqqas ta’ spazju fl-oqbra tal-komun.

Iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija fih 170 qabar. Minnhom 130 huma tal-privat u l-40 l-oħra huma tal-komun, jiġifieri oqbra tal-Paroċċa li fihom jindifnu nies mgħammda jew residenti Ħal Lija li m’għandhomx qabar tal-familja. Fejn jikber dan iċ-ċimiterju m’hemmx. Hu ċimiterju partikulari li jinsab f’nofs Triq in-Naxxar, b’karreġġjata ta’ traffiku naħa u oħra n-naħa l-oħra.

L-ispazju għall-fdalijiet tal-mejtin meta jitbattlu l-oqbra hu mimli. Fl-istess sitwazzjoni kważi l-oqbra tal-komun. Billi skont il-liġi, mid-difna jridu jgħaddu sentejn biex tebut jinfetaħ u jitneħħew il-fdalijiet, kien se jiġri li dfin għal min ma kellux qabar privat f’dan iċ-ċimiterju jkollu jiġi rifjutat.

Joseph Mangion li jieħu ħsieb iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija ppropona bħala soluzzjoni l-bini ta’ kompartimenti tal-irħam, mal-ħitan tal-ġnub taċ-ċimiterju, li fihom ikunu jistgħu jitpoġġew il-fdalijiet meta jitnaddfu l-oqbra tal-komun.

Il-Kappillan, il-Kanonku Joseph Cilia, ġab il-permessi tal-awtoritajiet tal-Knisja, tad-Dipartiment tas-Saħħa u tal-Awtorità tal-Ippjanar u x-xogħol beda.

Is-Sur Mangion qal, “Min ikollu qabar tal-Knisja, ngħidulu isma’ għandek il-persuna tiġi minnek u m’għandniex fejn inpoġġu. Niġbru fil-kaxxi tal-istainless steel u nippustjaw f’dan il-kompartiment tal-irħam u b’hekk inkunu qed noħolqu wisa’ minn ġol-oqbra tal-Knisja ħalli jkollna spazju għal ħaddieħor u nsolvu din il-problema.”

S’issa qed isiru 55 kompartiment, b’kull wieħed jesa’ tmien kaxxi. Il-kompartimenti qed isiru kollha b’irħam abjad u huma tal-istess daqs biex tinżamm uniformità u qed jinxtraw mill-familjari li m’għandhomx oqbra.

Iċ-ċimiterju tal-Parroċċa ta’ Ħal Lija nbena fl-1813 bil-ħsieb li fih jindifnu vittmi tal-pesta iżda qatt ma ntuża għal dan l-għan. Fost il-mijiet midfuna hawnhekk, l-eks Prim Ministru Sir Ugo Mifsud.