Saħħa
Sistema ġdida li biha l-kura lill-pazjent qed tingħata b’aktar preċiżjoni

Għall-ewwel darba l-Isptar Mater Dei nbidel f’ċentru ta’ eċċellenza hekk kif kardjoloġisti mill-aqwa sptarijiet ġew Malta biex jaraw kif jistgħu japplikaw sistema ġdida li biha l-kura lill-pazjent qed tingħata b’aktar preċiżjoni.

Għal ħafna snin, il-professjonisti fil-qasam tal-kura tal-qalb kienu janalizzaw biss x-ray tal-arterja tal-qalb biex jiddeċiedu x’interventi se jagħmlu, iżda b’investiment li sar is-sena li għaddiet f’Mater Dei, il-kardjoloġisti issa jistgħu jaraw l-arterja minn ġewwa u jevalwaw l-aħjar trattament għall-pazjenti.

L-Isptar Mater Dei għadu kif investa f’tagħmir teknoloġiku avvanzat li bih il-kardjoloġisti m’għadhomx jaraw biss l-angiogram biex jiddeċiedu x’interventi tal-qalb se jagħmlu. Minflok jaraw biss l-arterja minn barra u b’sistema integrata issa jistgħu jaraw bi preċiżjoni l-fiżjoloġija tagħha billi jittawlu ġo fiha u jaraw x’hemm eżatt fosthom il-pressjoni, kemm hi wiesgħa, jekk hemmx xi djuq u x’tip ta’ xaħam li jaf qed jikkawża l-imblukkar.

Iċ-Chairperson tad-Dipariment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, Dr Robert Xuereb qal li dan hu żvilupp importanti fil-kura tal-mard tal-qalb f’Malta tant li għall-ewwel darba kardjoloġisti li jmexxu wħud mid-dipartimenti tal-qalb fi sptarijiet fl-Ingilterra, Franza, il-Portugall, il-Kroazja, u l-Brażil żaru Mater Dei li nbidel f’ċentru ta’ tagħlim.

“Huwa breakthrough mhux biss fil-kura tal-pazjenti imma anke fl-edukazzjoni u fit-training, imbagħad aħna ngħallmuhom x’għandhom jagħmlu biex jintroduċu dan f’pajjiżhom. Dawn huma courses li jissejħu centre of excellence courses li jsiru fi sptarijiet speċjalizzati top hospitals fl-Ewropa u issa sirna wieħed minn dawn iċ-ċentri ta’ eċċellenza.”

Riżultat ta’ investiment sostanzjali ieħor f’tagħmir ta’ video-conferencing fl-illustration unit ta’ Mater Dei ukoll, il-kors lill-kardjoloġisti internazzjonali kien wieħed interattiv kif spjega Dr Brian Cassar.

“Ikunu jistgħu jaraw eżatt il-kirirurgu x’qed jagħmel, kif qed jopera, jistgħu jaraw l-output tal-magni diversi li jkun hemm fl-operating theatres u l-iktar ħaġa importanti hu li jistgħu jinteraġixxu f’ħin reali fejn l-udjenza jistgħu jsaqsu mistoqsijiet lill-kirurgu x’qed jiġri u jkellimhom lura.”

Il-mira tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija hija li kull sena jorganizza żewġ korsijiet ta’ dan il-livell. Fir-rigward tal-kura lill-pazjenti Maltin, qal li wara x-xogħol li sar is-sena li għaddiet biex ir-raġġi fil-cath suites jitnaqsu b’mod sinifikanti ħafna, issa għaddew xogħol ta’ tħejjija għall-iżvilupp tat-tielet cath suite li tkun iddedikata għal interventi tal-qalb ftit aktar kumplessi.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar