Lokali
Sistema ġdida mill-ARMS biex jinġemgħu l-units b’rati orħos

Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed jibdel il-liġi biex jintroduċi sistema ġdida ta’ kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl.

Qal li s-sistema ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma daħlet fis-seħħ fl-2009 u għadna nużawha sal-lum.

Qal li minn dak iż-żmien ’l hawn l-ARMS baqgħet tħaddem l-istess sistema u nbidlu biss it-tariffi meta traħħsu l-kontijiet fl-2013.

Semma ruling tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma li jikkonferma li l-kontijiet qed jinħadmu kif suppost u skont il-liġi.

Minkejja dan, qal li l-Gvern huwa konxju li hemm il-kritika għal din is-sistema.

Qal li għax sema’ dak li jixtiequ n-nies, il-gvern se jkun qed iħabbar sistema ġdida li hija ġusta għal kulħadd mingħajr ma timpatta b’mod negattiv lill-ebda klijent.

Qal li l-gvern m’għaġġilx bħalma għamel ħaddieħor bir-riskju li ħafna aktar konsumaturi jispiċċaw jintlaqtu ħażin minħabba xi deċiżjoni għaġġelija.

Huwa spjega li permezz ta’ din is-sistema ġdida, il-konsumaturi ser ikunu qed iġemmgħu l-units orħos li ma jużawx biex imbagħad ikunu jistgħu jużawhom f’perjodi fejn ikollhom konsum ogħla.

Spjega li l-istrateġija ta’ dan il-Gvern hija li jippromwovi konsum bil-għaqal, skont il-pjan nazzjonali għad-dekarbonizzazzjoni u l-mixja tiegħu għal ħajja aktar sostenibbli.

Huwa assigura li b’dak li se jippreżenta, il-konsumatur mhux ser isib ruħu b’xi kont sorpriża fl-aħħar tas-sena, mhux ser ikun hemm telf fil-Feed-In Tariff, u fuq kollox, ħadd mhu ser ikun qed jitlef mill-Eco-Reduction.