Barranin
Sit elettroniku jgħidlek jekk ġejtx ‘hacked’ fuq Facebook

Dawk li jużaw Facebook jistgħu jidħlu f’sit elettroniku li twaqqaf apposta biex ikunu jafu jekk ġewx ‘hacked’.

Dettalji dwar 530 miljun persuna, partikolarment in-numru tat-telefon ċellulari, spiċċaw fuq sit użat mill-‘hackers’.

Facebook qal li huwa kien induna b’dan fl-2019 u rranġa s-sitwazzjoni madankollu l-informazzjoni issa ttellgħet b’xejn fuq dan il-forum li jintuża mill-hackers.

Troy Hunt, espert fis-sigurtà, għadu kemm nieda s-sit elettroniku HaveIBeenPwned biex dawk li jużaw Facebook ikunu jafu jekk informazzjoni dwarhom tinsabx fil-forum.

Dawk li jużaw dan is-sit iridu jdaħħlu n-numru tat-telefon ċellulari tagħhom fis-‘search box’ biex ikollhom konferma jekk kienux parti mill-grupp ta’ nies li ġew ‘hacked’.

Diversi aġenziji madwar id-dinja li jħarsu d-drittijiet tal-privatezza tal-individwu qed isegwu mill-qrib dan il-każ.