Internet
Sit ġdid biex tara għal liema servizz ta’ internet u mowbajl jaqbillek tabbona

L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni se tkun qed tiġbor l-offerti kollha lokali tal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, fosthom bundles ta’ televiżjoni, mowbajl u internet, biex il-konsumatur ikun infurmat aħjar bl-offerti li hawn fis-suq.

Dan it-tagħrif se jkun disponibbli fuq sit elettroniku ġdid, li skont il-Ministru Silvio Schembri huwa intiż li ż=jżomm ħajja l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ dawn is-servizzi f’Malta, waqt li se sservi bħala għodda importanti għall-konsumaturi.

Iktar minn 850,000 abbonat għas-servizzi lokali tat-telefonija u l-internet se jkollhom ċans jiċċekkjaw liema servizz tat-telekomunikazzjoni jaqbillhom l-iktar x’jakkwistaw.

Dan hekk kif tnieda sit elettroniku ġdid li se jkun qed jagħti lista tal-orħos servizz fis-suq ibbażat fuq il-preferenzi u l-ħtiġijiet tal-konsumatur.

Fit-tnedija ta’ dan is-sit ġdid, telecosts.com, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Komunikazzjoni, l-MCA, Jesmond Bugeja, enfasizza li dan is-servizz se jkun utli għall-konsumaturi biex jiksbu valur aħjar mill-pjan ta’ servizz magħżul tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni trasparenti, aġġornata u komparabbli mill-fornituri tas-servizzi lokali kollha.

Mark Stivala Assistant Manager responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur fl-MCA qal li dan huwa l-ewwel sit elettroniku tax-xorta tiegħu f’Malta li se tkun qed tiġi aġġornata kontinwament.

“Lokalment hawn aktar minn 120 offerta fis-suq bħal servizzi ta’ mowbajls, telefonija u internet. Ġieli tkun diffiċli li tanalizza l-offerti biex jidentifikaw liem hi l-aktar vantaġġjuża u din il-websajt tpoġġi flimkien l-offerti kollha tal-operaturi biex il-konsumaturi jagħżlu skont il-preferenzi tagħhom imbagħad jikkuntattjaw u jabbonaw ma’ dak is-servizz.

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija, Silvio Schembri, saħaq kif l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni f’Malta hija mill-aktar żviluppata fl-Ewropa. Għamel referenza għal-Indiċi tad-Digital Economy and Society maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea li kklassifika lil Malta fost l-aħjar ħames pajjizi fl-Ewropa fir-rigward tal-progress diġitali, b’mod partikolari fuq l-użu tal-broadband, l-kapaċità tal-internet, u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali min-negozji lokali.

Ma’ Television Malta l-Ministru Schembri qal li dan is-sit elettroniku se jżom il-kompetizzjoni ħajja fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. “Aktar ma jgħaddi żmien is-servizzi diġitali aktar jsiru ċentrali fil-ħajja tagħna, u għalhekk enfasizzajt ħafna li l-konsumatur irid ikun huwa ċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu. U meta wieħed ikun jista’ jqabbel bejn l-operaturi jkun hemm din il-kompetizzjoni ħajja li tkompli tagħti s-servizz ta’ ġid ukoll għall-konsumatur.

Il-Ministru Schembri nnota kif Malta bħalissa qed tibbenefika minn tliet fornituri li joffru servizzi 4.5G mal-pajjiż kollu, b’wieħed mill-operaturi diġà investa f’infrastruttura lesta għall-5G u li matul is-sena d-dieħla se jiġu varati networks estensivi ta’ 5G mis-settur privat.