Lokali
Sitt ġimgħat ħabs wara li hedded lil martu li se tmur taħt it-trab

Raġel ta’ 37 sena kien ikkundannat sitt ġimgħat ħabs wara li fl-għassa tal-Pulizija hedded lill-martu meta qalilha biex “tipprepara ruħha għax hi għal taħt it-trab.”

Kenneth Cassar kien akkużat b’diversi reati oħra li jmorru lura għal Settembru 2014, fosthom li qabad arma fil-forma ta’ turnavit kontra martu u l-kunjata, kif ukoll li kiser l-ordni ta’ protezzjoni ta’ sentejn u li huwa riċediv.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, semgħet kif Cassar u martu kellhom erbat itfal, iżda meta sseparaw il-kbir beda jgħix ma’ Cassar filwaqt li t-tlieta l-oħra baqgħu m’ommhom, li dak iż-żmien kienet toqgħod m’ommha f’Raħal Ġdid.

Nhar id-9 ta’ Settembru tnejn mit-tfal ħarġu flimkien ma’ nannithom jarmu ż-żibel, meta ħin bla waqt waqaf Cassar bil-karozza u b’turnavit hedded lill-kunjata biex tagħtih it-tfal. Filwaqt li ħataf lil waħda mill-bniet u telaq biha, it-tifla l-oħra ħarbet u marret tfittex l-għajnuna.

L-għada l-Pulizija kkonvinċew lil Cassar biex jirritorna lit-tifla lura għand ommha, u meta dan daħal fl-għassa qal lil martu biex tipprepara ruħha għax kienet sejra taħt it-trab.

Il-Qorti qalet li ma kienx hemm dubju dwar dawn il-fatti, hekk kif l-inċident fit-triq kien inqabad fuq kamera CCTV, filwaqt li d-diskors fl-għassa kien ingħad quddiem il-Pulizija.

Madankollu l-Qorti qalet li ma setgħetx issib lil Cassar ħati tal-akkużi kollha kif saru, minħabba li t-theddid kontra martu u ommha kien sar f’okkażjonijiet separati. Huwa nstab ħati ta’ theddid b’arma, li huwa riċediv, u li kiser ordni ta’ probation, bil-Qorti tagħżel li ma titrattax miegħu fuq din tal-aħħar.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kurja tal-Arċisqof tixtieq tavża li kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa, l-Uffiċċju Żwigijiet ser ikun miftuħ bejn it-3pm u s-6pm. Fi stqarrija, l-Kurja qalet li l-Uffiċċju Żwiġijiet jiftaħ…

Lokali

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħabbret sensiela ta’ proġetti infrastrutturali ta’ aktar minn mitt miljun ewro li ser iżidu l-kwalità tal ilma, inaqqsu l-emissjonijiet, itejbu l-effiċjenza u jipproteġu l-ilma tal-pjan. Il-Kap Eżekuttiv…

Lokali

Christopher Bartolo li qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs waqt li qed jirċievi kura intensiva minħabba kundizzjoni fil-kliewi, se jkollu jibqa’ jistenna biex il-Qorti tiddeċiedi jekk għandux jitħalla joħroġ…

Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia ppreżenta kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, l-Awtorità tal-Artijiet, il-Malta Industrial Parks u l-Vitals Global Healthcare biex il-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH…

Aktar