Immigrazzjoni
Sitt miljun barrani fl-aħħar 12-il sena ordnati jitilqu mill-UE

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed teżamina l-koperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi biex tipprova tistabilixxi r-raġunijiet għaliex inqas minn 40% tal-immigranti irregolari li jiġu ordnati jitilqu mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, effetivament jirritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew il-pajjiz minn fejn ikunu telqu.

Il-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat qal li r-rapport bir-rakkomandazzjonijiet mistenni jiġi ppubblikat fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Fl-aħħar 12-il sena fl-Unjoni Ewropea kien hemm medja ta’ nofs miljun barrani li kull sena ġew ordnati jitilqu mill-Unjoni minħabba li daħlu jew kienu qed joqgħodu b’mod irregolari.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li minkejja dan, huma biss 38% li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew il-pajjiż li jkunu vvjaġġaw minnu lejn l-Unjoni Ewropea. L-istess Qorti nnuttat li din il-medja saħansitra tinżel taħt it-30% għar-ritorn lejn pajjiżi barra mill-Ewropa, bil-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat jgħid li r-raġuni ewlenija hija imfissra fir-rapport

“Mhemmx dik il-koperazzjoni mixtieqa jew meħtieġa bejn l-UE nnifisha, bejn l-istati membri u l-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrazzjoni u ħafna drabi fil-prattika din tirriżulta bħala koperazzjoni diffkultuża”

Is-Sur Brincat qal li l-kwistjoni dwar l-aħjar mod kif tista’ tiġi indirizzata l-immigrazzjoni hija urġenti, kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati Membri. Spjega li fl-aħħar xhur, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri awditjat l-arranġamenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea rigward l-ażil u r-rilokazzjoni tal-immigranti, u issa flimkien ma’ nies tekniċi, se jiflu r-ritorn tal-immigranti irregolari lejn pajjiżi terzi.

“It-tir tagħna huwa nagħmlu analiżi b’mod ferm aktar approfondit milli għamilna sa issa fuq ir-ritorn u r-riammissjoni tal-immigranti lejn pajjiżi terzi billi sal-lum għadna ma dħalna fl-ebda rapport tal-Qorti Ewropea dwar dan is-suġġett topiku u kontroversjali imma fuq fomm kulħadd”

Fl-2015, il-Kummissjoni ppubblikat pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar ir-ritorn, li fih irrikonoxxiet li biex sistema ta’ ritorn tkun effettiva jeħtieġ li r-riammissjoni tal-immigranti irregolari tingħata prijorità fin-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Biex tiffaċilita aktar l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riammissjoni, l-Unjoni kkonkludiet 18-il ftehim ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi.