Sitt snin ħabs u multa fuq pussess ta’ kważi 50 gramma eroina

Victor Buttigieg ta’ 42 sena minn Naxxar ġie kkundannat għal sitt snin ħabs u multat €4,000 wara li nstab ħati b’pussess ta’ 48.7 gramma droga eroina kważi 13-il sena ilu.

Fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia, ħareġ li l-pulizija għamlet tfittxija fid-dar ta’ Buttigieg f’Lulju 2002 u sabet tmien pakketti tal-plastik mimlijin sustanza li rriżultat li kienet eroina.

L-akkużat kien qal lill-pulizija li kien xtara 52 gramma mingħand ċertu Mustafa li qal kien ġiegħlu jixtri l-ammont kollu minkejja li ma kellux bżonn daqshekk.

Il-Maġistrat iżda qalet li huwa nkredibbli kif Buttigieg xtara l-eroina lesta maqsuma f’pakketti daqs li kieku lesta biex tinbiegħ.

Il-Qorti nnotat li l-akkużat nstab ħati fuq 15-il każ ieħor fosthom erbgħa fuq pussess ta’ droga eroina u kokaina u tlieta fuq traffikar.

Każi oħra nkludew pussess ta’ armi u tlieta fuq theddid lill-pulizija.

Minbarra sitt snin ħabs u multa ta’ €4,000, il-Maġistrat ordnatlu jħallas ukoll €217 fi spejjeż tal-Qorti.