Sitt xhur ħabs għal anzjan li nqabad jieħu d-droga f’garaxx

Anzjan ta’ 61 sena minn Ħaż-Żabbar kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €600 wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu l-eroina u li ttraffikaha.

Il-każ seħħ fl-24 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-1 p.m. meta l-Pulizija rċeviet telefonata anonima dwar teħid ta’ droga f’garaxx f’Ħaż-Żabbar.

Pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga marru fil-garaxx, li jinsab fi Triq il-Kunvent, fejn għall-ħabta tas-1.15 p.m. raw lill-anzjan, Oscar Cassar dieħel fih.

Fil-garaxx huma sabu siringa mimlija eroina, żewġ siringi wżati, seba’ siringi ġodda ippakkjati, żewġ pakketti ‘citric acid’, mgħarfa, tissue bid-demm, biċċiet tal-foil u ‘lighter’.

Fil-garaxx instab raġel ieħor li nżamm mill-Pulizija għal iktar investigazzjoni anke jekk fuq il-persuna tiegħu ma nstab xejn relatat mad-droga.

Fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni, Cassar qal li huwa kien ilu jabbuża mill-eroina min xahar jew xahrejn qabel u li kien jeħodha bil-labra.

Huwa sostna li kien ilu jabbuża mid-droga sa mill-1979 meta kien ipejjep il-ħaxixa.

Wara ftit qabad il-vizzju tal-eroina u għalkemm għamel perjodu ma jeħodhix reġa’ beda jeħodha minn dakinhar li nqabad.

Cassar qal li kien ir-raġel l-ieħor, Noel Fenech li talbu biex jieħdu l-eroina flimkien.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, l-Qorti kkunsidrat l-fedina penali ta’ Cassar li minnha jirriżulta li nstab ħati ta’ pussess ta’ eroina f’sitt okkażjonijiet u f’okkażjoni oħra nstab ħati ta’ pussess ta’ kannabis u li tpoġġa taħt ‘probation’ fi tliet okkażjonijiet, ingħata libertà kundizzjonata fi tliet okkażjonijiet oħra u ġie kkundannat għal piena f’okkażjoni oħra.

Fl-istess waqt qieset li l-ammont ta’ droga li nstab kien wieħed minimu u għalhekk ikkundannatu għal sitt xhur ħabs u multa ta’ €600.