Sitt xhur ħabs talli traffika l-eroina 14-il sena ilu

Sandro Spiteri ta’ 37 sena miż-Żejtun intbagħat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ traffikar u pussess ta’ droga eroina f’Awwissu 2000 u li wettaq reat waqt li kien bil-libertà proviżorja ta’ każ ieħor fl-1999.

Tul dawn l-14-il sena Spiteri rnexxielu joħroġ mill-vizzju tad-droga.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet li l-akkużat kien arrestat wara informazzjoni li kien involut fis-serq ta’ ‘stereos’ ta’ karozzi.

Meta kien interrogat, l-akkużat ammetta li kien ibiegħ id-droga biex isostni l-vizzju.

Huwa kien qal lill-pulizija li kien ilu jabbuża mid-droga erba’ snin qabel kien arrestat u kien ilu jbiegħ id-droga għal xaharejn qabel Awwissu tas-sena 2000.

Il-Qorti nnutat li Spiteri rnexxielu joħroġ mill-vizzju tad-droga u sab impjieg stabbli iżda qalet li xorta jrid jerfa’ r-responsabilità tat-traffikar tad-droga minkejja li dan seħħ 14-il sena ilu.

Il-Qorti semgħet li Spiteri kien diġa serva xi żmien il-ħabs fl-2009 għal traffikar ta’ droga u kkundannatu għal sitt xhur u weħlitu multa ta’ €650.