Knisja Maltija
Sittax-il persuna jtemmu kors f’Għawdex fuq il-ħarsien tal-minuri

Sittax-il persuna minn oqsma differenti tas-soċjetà f’Għawdex temmew l-ewwel kors dwar il-ħarsien tal-minuri akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. Il-kors ingħata mill-Istitut għall-Ministeru Pastorali – li twaqqaf apposta biex jagħti formazzjoni lin-nies fid-djoċesi ta’Għawdex.

“Permezz ta’ dan il-kors jien nista’ nagħraf aktar sinjali ta’ forsi jkun hemm żgħażagħ għaddejjin minn xi abbużi differenti,” qalet Jennifer Cauchi, waħda mill-parteċipanti.

“Dal-kors jippreparana niddentifikaw sinjali ta’ tipi differenti ta’ abbużi mhux biss sesswali imma anke abbużi oħrajn bħala traskuraġni jew anke fiżiċi,” qal Savio Sacco, parteċipant ieħor.

Id-Direttur tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali, Dun Joseph Farrugia qal li l-abbużi fuq it-tfal jew persuni vulnerabbli huma realtà.

“L-istatistika mondjali turi li waħda minn ħamest ibniet jiġu abbużati sesswalment, u bejn wieħed u ieħor wieħed minn seba’ subien jiġu abbużati sesswalment, u din ir-realtà tidher li hija realtà mhux lil hinn biss minn Malta imma anke f’Malta u Għawdex. Realtà li tmiss il-Knisja sfortunatament, realtà imma li tmiss il-familji tagħna għax ħafna mill-abbużi jsiru fil-familji.”

Dun Joseph Farrugia qal li quddiem din ir-realtà twaqqaf il-grupp Safeguarding of Minors – Gozo bħala prevenzjoni għall-abbużi u bħala mezz ta’ għajnuna għall-persuni li għaddew minn abbuż. Mit-twaqqif tal-grupp fl-2017, mal-mitejn persuna ngħataw taħriġ f’dan il-qasam.

L-Istitut għall-Ministeru Pastorali twaqqaf uffiċjalment f’Settembru 2016. Id-delegat tal-Isqof u chairperson tal-bord tad-diretturi, Joseph Azzopardi qal li l-istitut fuq livell terzjarju ma joffrix biss korsijiet reliġjużi jew spiritwali, imma anke formazzjoni umana.