Lokali
Skarsezza ta’ ħalib wara li l-baqar Maltin ħadu kedda bis-sħana

Is-sħana li għamlet dan is-sajf ma kidditx biss lin-nies, iżda wkoll lill-annimali. Fil-fatt il-baqar ta’ Malta mhux qed jagħmlu ħalib daqs kemm jagħmlu s-soltu f’dan iż-żmien tas-sena, hekk kif għadhom ma ħarġux mill-kedda tas-sħana.

Dan in-nuqqas ta’ ħalib qed ikun evidenti fil-prodotti tal-Benna disponibbli fil-ħwienet, fejn b’mod partikolari qed jinħass in-nuqqas tal-ħalib ikkulurit.

Mistoqsi minn tvm.com.mt dwar din is-sitwazzjoni, kelliem għal Benna kkonferma li attwalment il-kumpanija mhux qed tlaħħaq mad-domanda sħiħa.

Huwa spjega li l-kumpanija tuża biss ħalib frisk lokali u ma timportax ħalib minn barra. Għalhekk, il-fenomenu tas-sħana li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima affettwa ħażin il-produzzjoni tal-ħalib fit-temperaturi għolja ta’ Malta. Dan peress li l-baqar jagħmlu ħafna iktar ħalib f’temp kiesaħ.

Il-kelliem għall-Benna spjega li wara l-kampanja riċenti ta’ rebranding, żdiedet id-domanda għall-prodotti tal-Benna fi żmien meta l-baqar għadhom ma ħarġux mill-kedda tas-sajf, b’Ottubru li wkoll kien wieħed sħun.

Quddiem sitwazzjoni li l-Benna m’għandhiex kontroll fuqha, id-diriġenti tal-kumpanija ddeċidew li jagħtu prijorità lil dawk il-prodotti li huma l-iktar bżonjużi. Il-kelliem sostna li madankollu din il-ġimgħa diġà kien hemm titjib fil-provvista, u li s-sitwazzjoni għandha tiġi lura għan-normal sa ftit ġimgħat oħra.