Skejjel tal-gvern miftuħa fi tmiem il-ġimgħa għal tfal bl-awtiżmu
Għat-tieni Sajf, il-btieħi u faċilitajiet sportivi f’ħames skejjel tal-gvern se jkunu miftuħa fi tmiem il-ġimgħa għat-tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Fix-xhur tas-Sajf, l-iskejjel primarji ta’ San Pawl il-Baħar, Ħ’Attard, il-Fgura, Marsaxlokk u x-Xewkija f’Għawdex se jkunu miftuħa għall-familji ta’ tfal b’din il-kundizzjoni, biex ikollhom moħħhom mistrieħ li t-tfal qed jilgħabu f’ambjent protett u bla perikli.L iskejjel f’dan il progett se jkunu miftuħa minn tmiem din il-ġimgħa.
Dettalji dwar din l-inizjattiva ngħataw minn mart il-Prim Ministru, is-Sinjura Michelle Muscat, f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fl-iskola primarja tax-Xewkija.

F’isem l-assoċjazzjoni tal-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, Valerie Brincat saħqet li dan il-proġett mhux qed jemarġina lit-tfal b’din il-kundizzjoni. Spjegat li minħabba d-diversi karatteristiċi tal-kundizzjoni, ħafna mill-postijiet fil-komunità fejn jilgħabu t-tfal huma perikolużi.

L-awtiżmu hu karatteriżat min-nuqqas ta’ komunikazzjoni fuq livell soċjali, ripetizzjoni ta’ aġir u livell baxx ħafna ta’ tolleranza għall-bidla, saħansitra għall-ħsejjes differenti. L-iskejjel f’dan il-proġett li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni se jkunu miftuħa minn tmiem din il-ġimgħa.