Lokali
Skema biex tgħin il-bdiewa jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom

Reġgħet infetħet l-iskema ffinanzjata minn fondi tal-Unjoni Ewropea li tagħti appoġġ għall-investiment f’ażjendi agrikoli. Waqt żjara għand bidwi fl-inħawi tal-Imqabba li gawda minn fondi Ewropej biex kabbar l-operat tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Anton Refalo qal li kien hemm domanda qawwija li wasslet għall-ftuħ ta’ din is-sejħa biex iktar bdiewa jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom minn din l-iskema.

Il-Ministru Refalo qal li din l-iskema hija importanti għall-bdiewa u r-raħħala għax tgħinhom billi ssaħħaħ l-investiment li jkunu se jagħmlu minn flushom biex jimmodernizza u jtejbu l-operat kemm fl-oqsma agrikoli kif ukoll fl-irziezet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-iskema għandha valur ta’ madwar tlett miljun ewro, li se jmorru biex ikun mgħejjuna qasam importanti għall-pajjiż.